PR221188: Approvati emendi fir-Regolamenti dwar is-Sigurtà tal-Ġugarelli skont direttivi EwropejAtranol, kloroatranol, u metil heptine carbonate – It-tliet kimiċi ġodda pprojbiti fl-Unjoni Ewropea

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħabbret li b’effett immedjat daħlu fis-seħħ emendi ġodda u importanti fil-Leġiżlazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Ġugarelli li tirregola l-ammont u t-tip ta’ sustanzi kimiċi permessi fil-ġugarelli. Dan wara li l-Kabinett tal-Ministri, ftit tal-jiem ilu, approva dawn id-direttivi Ewropej fl-imsemmija leġiżlazzjoni.
L-emendi daħlu fis-seħħ kif stipulat fid-direttivi Ewropej li jirregolaw ir-regolamenti dwar is-sigurtà tal-ġugarelli fl-istati membri.
Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tistabbilixxi valuri ta’ limitu għall-anilina, li hija sustanza klassifikata bħala karċinoġenika, kimika li meta tagħmel kuntatt mal-ġilda tista’ twassal għall-kanċer. Bħala eżempju, l-anilina tista’ tinstab f’materjali tal-ġugarelli kkuluriti bħat-tessuti, u l-anilina tista’ tkun preżenti wkoll bħala impurità fil-kuluri taż-żebgħa.
Ir-regoli l-ġodda jeħtieġu wkoll li jekk wieħed mill-61 sustanza allerġenika oħra jkunu preżenti fil-ġugarelli f’doża ta’ aktar minn 100mg/kg, dan għandu jkun imniżżel fuq it-tikketta tal-ġugarell, fuq l-ippakkjar, jew fuq il-fuljett inkluż fuq il-kaxxa tal-ġugarell.
Id-direttiva telenka 55 sustanza allerġenika li l-użu tagħhom fil-ġugarelli huwa pprojbit jew ristrett fl-Unjoni Ewropea. Din l-emenda testendi din il-lista u tintroduċi l-projbizzjoni ta’ tliet sustanzi oħra li huma atranol, kloroatranol, u metil heptine carbonate.
Fl-intervent tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar kif fl-aħħar snin l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) kompliet bil-proċess li tevolvi ruħha u twessa’ l-iskop tagħha biex ma tħarisx lejn il-protezzjoni tal-konsumatur bħala xi ħaġa iżolata mill-aspett edukattiv. Spjegat li dak li qed jitħabbar illum imur lil hinn minn sempliċiment introduzzjoni ta’ emendi, għaliex “Tal-lum huwa messaġġ ta’ għarfien lill-ġenituri u lill-pubbliku inġenerali biex ikunu konxji għad-dettalji li jkun hemm fuq il-kaxxa tal-ġugarell.”
Iċ-Chairperson tal-MCCAA l-Inġ. Helga Pizzuto ħeġġet lill-pubbliku biex “ifittex il-marka CE fuq il-prodotti u biex jaqraw kull tikketta ta’ twissija jew l-ippakkjar bir-reqqa meta jixtru ġugarelli, sabiex jieħdu deċiżjonijiet infurmati.”
In-negozjanti huma mfakkra biex jiċċekkjaw mal-fornituri tagħhom qabel ma jixtru stokk ġdid ħalli jiżguraw li l-ġugarelli huma konformi mar-rekwiżiti l-ġodda.
Il-pubbliku jista’ jirrapporta kull każ ta’ prodott mhux sikur lill-MCCAA billi jżur is-sit tal-Awtorità mccaa.org.mt u jissottometti d-dettalji fil-“Formola għal nuqqasijiet fis-suq”.