PR210676: Għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-binja magħrufa bħala ‘1903’

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar żaru x-xogħlijiet li għaddejjin fuq il-binja magħrufa bħala ‘1903’ u l-proġett ta’ Chain Link Fencing li jdawwar parti estensiva tas-sit b’investiment totali ta’ madwar €600,000.
 
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega li l-Kumpless Sportiv tal-Marsa u l-madwar tiegħu se jinbidlu f’hub sportiv ta’ livell internazzjonali li se jkun maqsum f’erba’ żoni u se jinkludi faċilitajiet sportivi għal diversi dixxiplini sportivi fosthom il-ġinnastika u weightlifting.
 
Huwa saħaq li f’żona oħra, l-art se tintuża primarjament għal faċilitajiet ta’ livell internazzjonali relatati mat-tiġrijiet taż-żwiemel, sport ekwestri, żoni ta’ taħriġ u stalel. Faċilitajiet anċillari fi ħdan din iż-żona  jistgħu jinkludu tribuna, klabbs, assemblaġġ u divertiment.
 
Is-segretarju parlamentari qal li f’żona oħra l-art se tkun relatata mal-faċilitajiet tal-golf u akkademja tal-golf u se jkun hemm żona li se tinkludi faċilitajiet relatati mad-dixxiplini sportivi tat-tennis, squash u cricket. 
 
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar spjega li dan il-proġett beda f’Novembru 2020 u x-xogħol għaddej b’ritmu mgħaġġel. Din il-binja hija waħda antika li qed isirilha restawr estensiv, bħal tibdil ta’ travi u soqfa, xogħol tal-elettriku u ħafna xogħol ieħor, waqt li qiegħed jinżamm il-karattru oriġinali tal-binja. Dan il-proġett huwa mistenni li jitlesta sa Awissu li ġej, meta imbagħad din il-binja ser tintuża mill-Federazzjoni Maltija tar-Rugby, kif ukoll se jkun hemm fih l-uffiċċju tal-Manager tal-Kumpless tal-Marsa, kif ukoll sala għall-użu ta’ SportMalta.
 
Huwa temm jgħid li l-proġett magħruf bħala l-White Building mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin u li mistenni jintuża mill-Federazzjoni Maltija tal-Ġinnastika meta jitlesta, proġett li huwa stmat li se jiġi jiswa ftit inqas minn €6 miljun.