PR210646: Investiment dirett ieħor ta’ €900,000 fis-settur volontarju
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima ħabbar li l-għaqdiet volontarji reġistrati f’Malta u f’Għawdex se jerġgħu jgawdu minn allokazzjoni oħra ta’ €900,000 bħala parti mill-iskema ta’ Assistenza Operattiva għall-Għaqdiet Volontarji matul ix-xhur tal-pandemija, b’hekk il-Gvern se jkun investa €5 miljun dirett fis-settur tal-volontarjat f’sena.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li permezz ta’ dan l-investiment massiċċ, il-Gvern qed jirrikonoxxi x-xogħol kbir li l-għaqdiet volontarji qed jagħmlu fis-soċjetà tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li dan l-investiment qed jikkumplimenta l-akbar investiment dirett li qatt sar fis-settur tal-volontarjat li kien jammonta għal €4.1 miljun u li salva ’l fuq minn 900 impjieg. Spjega li 140 għaqda volontarja bbenefikaw minn din l-iskema.
“Dan il-fond b’somma globali ta’ €5 miljun qed ikompli jassigura l-eżistenza ta’ dawn l-għaqdiet u jagħti nifs ta’ ħajja lil dawn l-għaqdiet li jaghmlu xogħol imprezzabbli. Dawn huma għaqdiet volontarji li fl-aħħar xhur ġew affettwati b’mod negattiv minħabba l-mod limitat kif kellhom joperaw u jiġġeneraw id-dħul tagħhom. Id-dmir tal-gvern huwa li l-isfidi li jaffaċċjaw dawn l-għaqdiet, jibdilhom f’opportunitajiet.”
Tenna wkoll li s-sostenn tal-Gvern fl-aħħar snin lil dan is-settur huwa evidenti anke mill-fatt li llum hemm 2,136 għaqdiet reġistrati mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji kkumparat mal-1,300 li kien hemm ftit ta’ snin ilu.
Iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Dr Noel Camilleri qal li l-fondi huma sostenn effettiv għas-settur tal-volontarjat sabiex iżomm għaddej sakemm ikun jista’ jiftaħ il-bibien tiegħu għal darb’ oħra.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo qal li kif matul il-pandemija bosta mill-attività kellha tieqaf, is-settur tal-volontarjat xorta kompla bil-ħidma tiegħu speċjalment fl-oqsma ta’ servizzi u ta’ sapport fis-soċjetà. Qal li permezz ta’ dawn il-fondi s-settur seta’ jkompli fil-ħidma tiegħu, kemm volontarju kif ukoll b’impjegati professjonisti fil-komunità.
Jesmond Aquilina, il-President tas-Soċjetà Filarmonika San Bartilmew, saħaq li dawn il-fondi se jkomplu jgħinu lis-soċjetà fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum. Huwa kompla jgħid li s-soċjetà kompliet bil-ħidma tagħha partikolarment fit-tagħlim tal-mużika u kunċerti virtwali.
Dan il-fond se jkun amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u l-għaqdiet volontarji u se jkunu jistgħu japplikaw għal dan il-fond permezz tal-VO Funding Portal.