PR210603: Investiment ta’ madwar €369,000 f’vetturi, fosthom żewġ vetturi hybrid, għal persuni b’diżabilità

Permezz ta’ investiment ta’ €44,000, l-Aġenzija Sapport ħabbret żieda fil-flotta ta’ vetturi li għandha għall-użu tal-klijenti tagħha permezz tal-ewwel żewġ karozzi hybrid.

Dawn huma l-ewwel vetturi tat-tip hybrid li għandha l-Aġenzija. Huma karozzi effiċjenti li jaħlu anqas fjuwil u jniġġsu anqas, bir-rata ta’ emmissjonijiet ta’ dawn il-vetturi tkun ta’ bejn 98 u 99g/km ta’ CO2.

f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Qrendi l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li l-wasla ta’ dawn iż-żewġ vetturi hija t-tielet fażi ta’ proġett maħsub biex tikber il-flotta ta’ vetturi għall-użu u l-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Aġenzija.

“Il-proċess kien beda fis-sena 2017 bix-xiri ta’ tail lifts u vannijiet. Kompla s-sena li għaddiet bix-xiri ta’ 15-il vettura ġdida li 11 minnhom huma wkoll aċċessibbli għal persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti. Dik it-tieni fażi tal-proġett saret b’investiment ta’ madwar €325,000. Il-Gvern huwa determinat li jagħmel dak kollu possibbli biex tkun iffaċilitata l-aċċessibbiltà  għal persuni b’diżabbiltà. Dan nikkumplimentawh ukoll b’mezzi aħjar, bħalma huma dawn iż-żewġ karozzi, biex jintużaw mill-impjegati li jaħdmu fis-servizzi tal-Aġenzija Sapport b’risq il-klijenti tal-istess Aġenzija,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Sciberras fissret dan il-proġett bħala inizjattiva oħra li tkompli turi l-impenn tal-Aġenzija sabiex ittejjeb dejjem aktar il-faċilitajiet u s-servizzi li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-persuni b’diżabbiltà. Fl-istess ħin, bħala entità tkun qed twettaq il-parti tagħha wkoll fejn tidħol il-protezzjoni tal-ambjent flimkien ma’ inizjattivi oħra li timplimenta l-Aġenzija kemm fis-servizzi lill-klijenti kif ukoll fl-operat mill-uffiċini. 

Dawn iż-żewġ karozzi issa tellgħu n-numru ta’ vetturi tal-Aġenzija għal 35, li kollha jintużaw sabiex persuni b’diżabbiltà li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Aġenzija jkunu moqdijin aħjar. Fil-fatt dawn iż-żewġ vetturi ser ikunu qed jintużaw mill-impjegati li jaħdmu fis-servizzi tal-Aġenzija għall-benefiċċju tal-istess klijenti.

Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti responsabbli mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Matthew Vella.