PR220945: Malta deskritta bħala mudell għall-pajjiżi internazzjonali fejn jidħlu testijiet ta’ smigħ mingħajr ħlas

F’konferenza tal-aħbarijiet, Malta, wieħed mill-iżgħar Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, kienet deskritta bħala
mudell uniku għall-pajjiżi internazzjonali fejn jidħlu testijiet ta’ smigħ bla ħlas. Dan qalu Patrick D’Haese,
Kordinatur Internazzjonali tal-Hearing Health Forum.
Matul il-konferenza, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia
Portelli qalet li dan iċ-ċertifikat għal pajjiżna fuq livell Ewropew huwa grazzi għall-ħidma pro-attiva tal-proġett
pilota ta’ testijiet tas-smigħ bla ħlas li, flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropej Alex Agius Saliba, ittieħed
matul is-sena li għaddiet.
Permezz ta’ erba’ ċentri madwar Malta, il-proġett pilota li tmexxa mill-Assoċjazzjoni Awdjoloġista Maltin,
irriżulta li minn 515-il test ta’ smigħ li saru, 41% ta’ dawk li pparteċipaw instab li għandhom impediment fissmigħ.
Matul is-sessjonijiet residenti minn madwar 24 lokalità differenti resqu ’l quddiem biex jagħmlu dawn ittestijiet
tas-smigħ.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ħabbret li wara l-proġett pilota, bl-isem ta’ Hearing Care for All, fix-xhur li
ġejjin se titnieda kampanja ta’ għarfien fuq skala nazzjonali biex jiżdied l-għarfien dwar kif nistgħu nipprevenu
t-telf tas-smigħ minn età żgħira u nilqgħu għall-esklużjoni soċjali li ġġib magħha din il-kundizzjoni. Il-Ministru
Farrugia Portelli qalet li id f’id se jitkompla l-proġett pilota b’aktar testijiet tas-smigħ f’irħula oħrajn.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli rrimarkat kif din il-kampanja nazzjonali u t-testijiet tas-smigħ se jkomplu
jsaħħu l-impenn tal-Gvern li jimxu mal-kampanja globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex
titqajjem kuxjenza dwar kif nipprevjenu t-telf tas-smigħ u nippromwovu l-kura tal-widnejn u s-smigħ madwar
id-dinja.
Il-Ministru semmiet kif din hija r-realtà tant li matul il-proġett pilota ltaqgħet ma’ nies li ma kinux qed joħorġu
minn darhom minħabba din il-kundizzjoni.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli appellat lill-pajjiżi Ewropej biex jimxu fuq il-passi ta’ pajjiżna u jkunu proattivi
fejn jidħol testijiet biex nipprevenu t-telf tas-smigħ u nkomplu nibnu soċjetà globali inklussiva. “Bil-fatti
rridu li pajjiżna jkompli jkun il-wiċċ tal-inklużjoni,” ikkonkludiet il-Ministru Farrugia Portelli.
L-Ewro-Parlamenti u Viċi-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew Alex Agius
Saliba sostna li permezz tad-data li nġabret fil-proġett pilota li sar fl-aħħar xhur, għall-ewwel darba Malta
għandha idea ċara ta’ kif din il-problema qed taffettwa l-ħajja ta’ bosta Maltin. Huwa kompla jgħid kif kien
għalhekk li flimkien mal-Ministeru għall-Inklużjoni ħass il-ħtieġa li fuq bażi lokali hemm il-bżonn li l-poplu
Malti jkompli jkabbar l-għarfien dwar dawn il-kundizzjonijiet biex imbagħad l-istat ikun jista’ jkompli jaħdem
biex jara li dawn in-nies xorta waħda jkunu integrati bl-aħjar mod possibli fis-soċjetà tagħna.
Dr Agius Saliba qal li bħala President tal-Forum tas-Smigħ tal-Unjoni Ewropea u r-Relatur tal-Parlament
Ewropew għar-rapport dwar il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità jinsab sodisfatt ferm li Malta qed tkun proattiva
u tieħu dawn it-tip ta’ inċentivi li permezz tagħhom qed inkomplu nippromwovu s-saħħa tas-smigħ bl-aqwa mod
possibbli, billi nippromwovu prattika ta’ kura professjonali, inżidu l-edukazzjoni u l-għarfien pubbliku,
nappoġġjaw ir-riċerka u niffaċilitaw l-aċċess għal teknoloġiji innovattivi, filwaqt li naqsmu l-aħjar prattiċi bejn
l-Istati Membri.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Awdjoloġisti Andrew Sciberras spjega l-importanza ta’ din il-kampnja
nazzjonali fejn qal li l-ħidma pro-attiva se tkun qed tħalli riżultati pożittivi fil-futur. “Permezz tat-testijiet tassmigħ
f’lokalitajiet oħrajn u kampanja ta’ għarfien, iktar nies se jkollhom l-opportunità li jieħdu l-passi meħtieġa
u immedjati biex jipprevenu t-telf tas-smigħ u milli jkunu esklużi mis-soċjetà minħabba din il-kundizzjoni”, saħaq
Sciberras.