PR210790: Insaħħu lill-Ħaddiem: Persuni vulnerabbli jingħataw aktar opportunitajiet biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru Jobsplus, bħala l-amministratur tal-proġett VASTE, bħala parti mill-kampanja ‘Insaħħu lill-Ħaddiem’.

Il-programm VASTE jistabbilixxi numru ta’ servizzi għal taħriġ li jiffoka fuq it-tisħiħ tal-ħiliet u l-kapaċitajiet ta’ diversi gruppi vulnerabbli, bħal persuni b’diżabilità, li mhumiex f’impjieg. Dawn in-nies jingħataw taħriġ qabel ma jidħlu fid-dinja tax-xogħol u anki waqt li jkunu fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li minn iħaddem għandu l-possibilità li jirċievi taħriġ biex ikun jista’ jintegra aħjar lil dawn in-nies fuq il-post tax-xogħol.

L-għan tal-VASTE huwa li jkollna soċjetà aktar inklussiva li permezz tagħha persuni li jitqiesu bħala vulnerabbli jew li għandhom abbiltajiet differenti jkollhom l-opportunità jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli saħqet fuq l-importanza ta’ dan il-proġett, proġett ta’ taħriġ bil-għan li jwassal għal impjieg alternattiv għal persuni b’diżabilitajiet differenti u għal individwi vulnerabbli oħrajn. Il-Ministru Farrugia Portelli tenniet li kulħadd għandu dritt jaħdem u għalhekk dan il-proġett huwa bżonjuż ħafna u fil-fatt tenniet li sal-aħħar ta’ Marzu 2021 ġew assistiti 1,665 persuna (medja ta’ madwar 300 persuna fis-sena). Jirriżulta li sal-aħħar ta’ Frar ta’ din is-sena 4,020 persuna b’diżabilità kienu fid-dinja tax-xogħol. Il-Ministru kkonkludiet billi qalet li dan juri kemm il-Gvern huwa impenjat li jsaħħaħ il-ħaddiem bil-fatti.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-programm għandu allokat għalih €13-il miljun ffinanzjati minn fondi Ewropej biex b’hekk komplejna ninvestu fil-ħaddiem.

Hu spjega kif apparti l-programm VASTE, il-Jobsplus għandha diversi skemi oħra li huma ffinanzjati ukoll b’fondi Ewropej, li minnhom ibbenefikaw madwar 27,000 persuna. Dawn l-iskemi, konġunti mal-għajnuna li qed jagħti l-Gvern lill-intrapriżi u l-ħaddiema f’dan iż-żmien ta’ pandemija, juri l-konvinzjoni tiegħu biex jibqa’ dejjem jagħti sostenn lill-ħaddiem.

Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li “Dawn huma miżuri konkreti li qed iħallu impatt dirett fuq il-ħaddiema, familji u s-soċjetà tagħna. Dan filwaqt li qed iħallu wkoll riżultati ekonomiċi biex inkomplu nkabbru u nsaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna.”

Bejn l-2016 u l-aħħar ta’ 2020, saru aktar minn 3,500 żjara f’kumpaniji privati, fejn inħolqu madwar 900 opportunità ta’ xogħol oħra. Permezz ta’ dan il-proġett inħoloq l-ewwel ċentru vokazzjonali multi-dixxiplinarju li introduċa lill-applikanti għal diversi oqsma differenti tax-xogħol.