PR210799: Insaħħu lill-Ħaddiem: Minn binja abbandunata għal dar li toffri servizz ta’ mistrieħ għal nies bl-awtiżmu

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u Dr Lydia Abela ħabbru l-pjan ta’ riġenerazzjoni ta’ dar dilapidata fis-Siġġiewi li se tkun qed toffri servizz ta’ respite għal tfal bl-awtiżmu. L-għan tas-servizzi respite huwa li jipprovdu sigurtà, individwalità u flessibilità ta’ sapport għal perjodu stabbilit ta’ żmien lill-qraba u lil dawk li jieħdu ħsieb il-persuni b’diżabilità waqt li joffru spazju lil dawn it-tfal fejn ikunu jistgħu jintegraw ma’ tfal oħra fi struttura u jsegwu programmi skont il-bżonnijiet u x-xewqat tagħhom. Din id-dar hi mmirata lejn tfal b’diżabilità bejn il-5 u l-14-il sena minn Malta u Għawdex, b’mod partikolari tfal bl-awtiżmu. Il-faċilitajiet ta’ din id-dar se jkunu għalhekk qed jipprovdu spazju modern, speċjalizzat u attrezzat għal dawn it-tfal fosthom ukoll b’tagħmir ta’ teknoloġija assistiva.

Dan is-servizz jgħin sabiex dawk il-persuni li jieħdu ħsieb persuni fuq l-ispektrum tal-awtiżmu jkollhom ħin li fih ikunu jistgħu jistrieħu jew inkella f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Dawn jaf ikunu eżawriti minħabba s-superviżjoni kontinwa li jagħtu lill-persuni b’diżabilità u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Dan is-servizz għalhekk huwa mezz sabiex jiġi evitat burnout. Li tieħu ħsieb persuna b’diżabilità jum wara jum, sena wara sena, tista’ tħalli ċerta għajja, kemm fiżika u kemm psikoloġika.

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru Roderick Galdes spjega kif il-viżjoni għall-akkomodazzjoni f’pajjiżna qed tindirizza kemm l-isfidi ta’ djar dilapidati u dik ta’ djar speċjalizzati għal nies vulnerabbli. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali saħansitra qed jagħti l-importanza lill-ħidma relatata mal-bżonnijiet ta’ dawn in-nies vulnerabbli.

“L-akkomodazzjoni llum verament qed tieħu definizzjoni oltre minn sempliċiment dar jew saqaf fuq ras xi ħadd. L-akkomodazzjoni hija marbuta wkoll ma’ servizz li ħafna drabi hu speċjalizzat għal grupp ta’ nies fis-soċjetà,” tenna l-Ministru Galdes. “Il-gvern b’dan l-investiment verament ħa jkun qed isaħħaħ il-ħaddiem u jsaħħaħ id-dinamika tad-dar. Il-familjari li jaħdmu qatigħ biex jgħinu lil qrabathom li għandhom l-awtiżmu ħa jkollhom ir-riżors ta’ ħaddiem professjonali biex jassistihom meta jkollhom bżonn.”

Il-Ministru Galdes spjega li għal dan il-proġett ħa jiġu investiti €320,000 u ħa tkun attrezzata b’sensory rooms adekwati għal nies li għandom l-awtiżmu, installazzjoni ta’ lift u spazji miftuħa fejn wieħed jista’ wkoll iqatta‘ ftit ħin ta’ mistrieħ. Dan kollu ħa jkun ikkumplimentat minn disinn modern u innovattiv.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li din il-binja se sservi ta’ ċentru ta’ mistrieħ anke għall-ġenituri u għal dawk li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità. Il-ministru saħqet dwar l-importanza li l-ġenituri jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Is-servizz ta’ respite hu wkoll importanti għall-ġenituri għax iservi ta’ perjodu ta’ mistrieħ fejn huma jkunu jistgħu jieħdu ħsieb tagħhom infushom ukoll. Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet ukoll il-benefiċċji li jġib miegħu s-servizz ta’ respite fosthom li l-persuna b’diżabilità tkun qed tgħix f’post sigur fejn hawn tkun tista’ ssaħħaħ il-ħiliet tagħha speċjalment dawk ta’ indipendenza. Benefiċċju ieħor huwa ċ-ċans li wieħed ikun jista’ jissoċjalizza ma’ nies oħra b’diżabilità kif ukoll ma’ carers li jkunu kontinwament preżenti. Is-servizz ta’ respite huwa fuq kollox essenzjali għaliex huwa ta’ sapport għall-familji sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jieħdu ħsieb lit-tfal jew lill-qraba tagħhom id-dar għall-itwal żmien possibbli, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Ministru Farrugia Portelli kompliet tispjega li l-Aġenzija Sapport se tkun qed tilqa’ u tara l-każijiet li jaslu għandha sabiex tassigura li jsir l-assessjar meħtieġ lil dawn it-tfal permezz ta’ tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti fi ħdanha kif ukoll b’kollaborazzjoni ma’ professjonisti minn oqsma oħra li jkunu involuti fil-ħajja ta’ dawn it-tfal. L-aġenzija se tkun qed tmexxi dan is-servizz permezz ta’ professjonisti li jaraw li dawn it-tfal ikunu qed isegwu l-programm individwali mħejji għalihom u li qed jintlaħqu l-miri ssetjati kemm fuq livell terapewtiku kif ukoll pjan li jinkludi programmi ta’ titjib fl-abbiltajiet tal-persuna kif ukoll l-aspett soċjali.

Dr Lydia Abela qalet li dan il-proġett jimliha b’sens ta’ ferħ għax dan il-post ser jagħmel differenza kbira u ser jagħti sapport dirett lill-ġenituri u lill-qraba tat-tfal.

Dr Lydia Abela qalet li l-ġenituri u l-qraba se jkunu jafu li fil-ħin li dawn it-tfal ikunu f’dan iċ-ċentru, ser ikunu qed jintegraw ma’ tfal oħra u permezz ta’ programmi maħsuba tajjeb minn esperti fil-qasam se jakkwistaw abbilitajiet u ħiliet ġodda biex jintegraw aktar fis-soċjetà u jiksbu aktar indipendenza.