PR210803:Insaħħu lill-Ħaddiem: Persuna b’diżabilità tibni negozju u ma taqtax qalbha quddiem il-pandemija

“L-għajnuna tal-gvern kienet kruċjali biex il-kumpanija tiegħi baqgħet topera waqt il-pandemija”,  stqarr Mario Abela, raġel ta’ 53 sena u li minkejja d-diżabilità mit-twelid, għandu l-intrapriża tiegħu u jħaddem 22 ruħ. Mario twieled mingħajr nofs l-id ix-xellugija iżda minkejja dan hu qatt ma ħalla din id-diżabilità ttellfu milli jilħaq il-miri tiegħu. B’kollox, is-Sur Abela ilu għal dawn l-aħħar 26 sena bi stamperija tiegħu.

Fl-okkażjoni tal-ġimgħa ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli żaret l-intrapriża fil-Qrendi u ltaqgħet mas-Sur Abela. Waqt din iż-żjara, il-ministru faħħritu għall-kuraġġ u l-perseveranza tiegħu, tant hu hekk li qalet li, “Mario huwa eżempju ċar ta’ kemm qatt m’għandna naqtgħu qalbna quddiem l-isfidi fil-ħajja.”

Il-Ministru Farrugia Portelli nnutat li bħal ħafna ħaddiema oħra, Mario baqa’ jaħdem anki waqt il-pandemija. Id-deċiżjonijiet tal-gvern salvaw 100,000 impjieg f’sena fejn il-pajjiż, bħall-kumplament tad-dinja, kien qed jiffaċċja ż-żmien tant iebes tal-pandemija. B’investiment ta’ €415-il miljun f’wage supplement, il-kumpaniji milquta mill-pandemija  setgħu jkomplu jħaddmu n-nies, kompliet tgħid il-ministru.

Is-Sur Abela tenna li sa minn ċkunitu hu dejjem għex b’mod indipendenti u ħeġġeġ żgħażagħ bl-istess esperjenza biex ma jaqtgħu qatt qalbhom. Qal ukoll li qatt ma ħalla d-diżabilità ttellfu u dejjem għamel dak li jħobb.