PR210906: Jitnieda l-programm tas-sajf mill-Aġenzija Żgħażagħ – investiment ta’ €30,000 (maltese version only)

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima nedew il-progamm tas-sajf għaż-żgħażagħ għas-sena 2021. Dan il-programm, li jitfassal minn Aġenzija Żgħażagħ, jikkonsisti f’serje ta’ korsijiet matul ix-xhur tas-sajf li jinkludu attivitajiet diversi sabiex iż-żgħażagħ jiksbu ħiliet għall-ħajja.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli spejgat li l-programm tas-sajf huwa mmirat għal żgħażagħ bejn it-12 u t-30 sena u joffri numru ta’ korsijiet immirati għal etatjiet u interessi diversi. Qalet ukoll li dan se jinvolvi fi 12-il ħaddiem żagħżugħ u żagħżugħa professjonali u jimmira li jilħaq madwar 600 żagħżugħ u żagħżugħa. L-investiment f’dan il-programm huwa ta’ €30,000, id-doppju tas-sena preċedenti.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li meta wieħed jitkellem fuq iż-żgħażagħ, l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħok hija il-perjodu ta’ tranżizzjoni jew bidla ta’ dak li jkun. Huwa kompla jgħid li l-gvern, permezz ta’ Aġenzija Żgħażagħ, ried li jkun proattiv u jħares lejn dak li huwa meħtieġ għaż-żgħażagħ tagħna. Is-segretarju parlamentari qal ukoll li permezz ta’ numru ta’ programmi se jkun qed jiġi assigurat li dawn iż-żgħażagħ jiksbu l-ħiliet neċessarji li se jkunu qed jgħinuhom fil-ħajja ta’ kuljum u f’dik li hija tranżizzjoni f’dan il-perjodu partikolari ta’ ħajjithom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma saħqet li l-aġenzija tirrikonoxxi l-isfidi li tiltaqa’ magħhom persuna f’mumenti partikolari taż-żgħożija u allura dan is-sajf qed tħejji dan il-programm sabiex ittejjeb il-ħiliet taż-żgħażagħ għal ħajja indipendenti u tgħin liż-żgħażagħ jibdlu dawn l-isfidi f’opportunitajiet.

Il-korsijiet f’dan il-programm huma dawn li ġejjin:

  • My next school adventure – Dan il-programm se jagħti liż-żgħażagħ il-kunfidenza u l-ħiliet biex jaqilbu minn skola primarja għal dik sekondarja
  • My secondary school survival kit – Dan il-programm jikkonsisti f’diskussjonijiet u attivitajiet li se jgħallmu liż-żgħażagħ ħiliet għal tranżizzjoni iktar ħafifa mill-middle school għall-iskola sekondarja.
  • Make head – Dan il-programm jikkonsisti f’ħiliet bażiċi meħtieġa għal dawk iż-żgħażagħ li jlestu l-iskola sekondarja u jkunu qed jaħsbu biex jidħlu f’impjieg jew inkella jkomplu l-iskola.
  • Sound on – Proġett għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jitgħallmu dwar ix-xandir bir-radju
  • Take action through photos – Programm ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ li jippermettilhom jieħdu ritratti u jużawhom biex jiddiskutu kwistjonijiet differenti.
  • Award in youth leadership – Programm li jippermetti liż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jiksbu iktar ħiliet ta’ tmexxija bil-għan li jsiru mexxejja aħjar.

Il-programm se jdum għaddej għal tmien ġimgħat minn Lulju sa Awwissu u wieħed jista’ japplika fuq youth.gov.mt.