PR210980: 30 persuna vulnerabbli b’diżabilità jingħataw tablet u internet b’xejn biex ikomplu bit-taħriġ virtwalment

Tletin persuna b’diżabilità li fi żmien il-pandemija ma setgħux jibqgħu jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport ingħataw tablet biex isegwu sessjonijiet virtwali mħejjija miċ-ċentri, dan permezz ta’ ftehim ġdid bejn Aġenzija Sapport u Aġenzija Residenza Malta. Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat dalgħodu segwew waħda minn dawn is-sessjonijiet online fiċ-Ċentru Skills Space f’Tas-Sliema.

Din kienet biss waħda minn numru ta’ sessjonjiet ippjanati mill-Aġenzija Support biex persuni b’diżabilità mhux biss ikollhom aċċess għat-teknoloġija, imma jkunu jafu wkoll kif jużawha.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li minħabba l-vulnerabilità ta’ dawn il-persuni u s-sitwazzjoni tal-familji tagħhom, ma setgħux jibqgħu jattendu ċ-ċentru fi żmien il-pandemija. Grazzi għal investiment ta’ €11,000 mill-Aġenzija Residenza Malta, dan il-proġett seta’ jseħħ u jwassal għall-inklużjoni ta’ dawn il-persuni. Il-fondi jkopru wkoll kuntratti għal servizz tal-internet fid-djar ta’ wħud minn dawn il-persuni, skont il-ħtieġa tal-familja. Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li dan hu mod tanġibbli kif nissieltu l-qasma diġitali u issa dawn il-persuni jistgħu jerġgħu jidħlu f’rutina u jagħmlu kuntatt ma’ sħabhom u mas-support workers fiċ-ċentru.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-ħidma biex ikun attirat l-investiment dirett barrani lejn pajjiżna ssir appuntu biex jinħoloq ġid li jasal fil-komunità. “Kemm hu sodisfaċenti tara li, bil-ħidma tagħna biex nattiraw lil min jixtieq jinvesti f’pajjiżna, qed igawdu persuni u qed intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna l-Maltin u l-Għawdxin, f’mumenti delikati għall-ekonomiji kollha madwar id-dinja”, temm josserva.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Rose Sciberras, irringrazzjat lil Residenza Malta li għal darb’oħra qed tiddedika fondi għal proġetti li minnhom jibbenefikaw persuni b’diżabilità. Dan wara li s-sena l-oħra persuni oħra bbenefikaw minn numru ta’ wheelchairs b’investiment ieħor mill-Aġenzija Maltija għar-Residenza. Qalet li dan il-proġett ikompli jorbot fuq il-pjan ta’ Aġenzija Sapport li tkompli tiżviluppa l-mezzi kif twassal is-servizzi tagħha u taddatta għaċ-ċirkostanzi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Residenza Malta Charles Mizzi qal li l-Aġenzija impenjata li tgħin inizjattivi fil-komunità li jindirizzaw inugwaljanzi soċjali, fuq il-prinċipju li ebda persuna m’għandha taqa’ lura fl-edukazzjoni minħabba ċirkostanzi familjari. “Residenza Malta qiegħda tgħaddi l-ġid li benefiċċjarji tal-programm ta’ residenza b’investiment qegħdin iħallu lokalment. Grazzi għal dan il-ġid, qed jibbenefikaw ċittadini u s-soċjetà tagħna”, temm jgħid il-Kap Eżekuttiv ta’ Residenza Malta.