PR210996: It-tieni parti tal-konsultazzjoni ‘Lejn Xandir Inklussiv’ – immirata lejn il-persuni neqsin mid-dawl

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli ħadu sehem fit-tieni parti tad-diskussjoni ‘Lejn Xandir Inklussiv’, li trattat kif persuni neqsin mid-dawl jistgħu jkunu parteċipi bis-sħiħ fil-qasam tax-xandir ta’ pajjiżna. Id-diskussjoni ssegwi dik li kienet saret f’Marzu, dakinhar intiża għal persuni neqsin mis-smigħ.

Tul din id-diskussjoni diversi stakeholders, fosthom il-gvern, l-istazzjon nazzjonali, kif ukoll organizzazzjonijiet li jaħdmu favur l-inklużjoni ta’ persuni b’xi tip ta’ diżabbiltà, tkellmu dwar kif ix-xandir fil-futur ikun iżjed inklussiv għal persuni b’diżabbiltà.

Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela qal li titjib fil-kwalità tax-xandir ma jieqafx biss ma’ titjib u investiment fit-teknoloġija, iżda wkoll jinkludi l-impenn li l-programmi mxandra fuq l-istazzjonijiet nazzjonali jaslu għand kulħadd, inkluż dawk li minħabba xi nuqqas ta’ abbiltà fiżika, sal-lum iċċaħħdu milli jsegwu mal-bqija tas-soċjetà.

F’dan ir-rigward, il-Ministru qal kif il-programmi kollha tar-radju u t-televiżjoni huma kollha disponibbli online, u jistgħu jiġu segwiti minn persuni neqsin mid-dawl minħabba li x-xandiriet huma viżwalment akkumpanjati bl-audio, filwaqt li diversi artikli fuq is-sit tal-istazzjon nazzjonali jinkorporaw fihom is-servizz imxandar fuq it-televiżjoni.

Iżda, dejjem hemm x’wieħed itejjeb, fejn infatti qed tkun esplorata l-possibbiltà li artikli li jitilgħu fuq is-sit jinkludu magħhom audio file li permezz tiegħu dawk neqsin mid-dawl jistgħu jsegwu dak li hemm miktub.

“Nixtieq nara rappreżentanza u parteċipazzjoni akbar ta’ persuni b’diżabbiltà fil-midja, li jinkludu persuni neqsin mis-smigħ u anke persuni neqsin mid-dawl. Irridu naħdmu iktar biex intom ma tkunux biss udjenza iżda membri direttament attivi fix-xandir,” temm l-intervent tiegħu l-Ministru Abela.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli saħqet li fil-jiem li ġejjin se nkunu qed invaraw l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Diżabbiltà, li se tirrevedi l-istatus ta’ persuni neqsin mid-dawl u b’nuqqas ta’ vista f’Malta biex tkun ta’ salvagwardja fl-interessi tagħhom. Il-gvern qed ikompli jagħmel ir-riċerki tiegħu dwar l-użu ta’ teknoloġiji aċċessibbli f’Malta, filwaqt li jassigura li l-professjonisti li joffru s-servizz meħtieġ ikunu mħarrġin sew kemm fuq l-apparat kif ukoll fuq id-diżabbiltà nnifisha.

Il-Ministru Farrugia Portelli kompliet tgħid li l-għan tal-gvern huwa li dejjem itejjeb is-servizzi li huma diġà offruti, filwaqt li dejjem jagħmel ir-riċerki biex, fejn ikun possibbli, inżidu aktar servizzi jew apparat skont kif ikun meħtieġ. Il-Ministru tkellmet dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-konsultazzjonijiet pubbliċi biex naħdmu u nimxu flimkien lejn pajjiż aktar inklussiv.

Preżenti għall-konsultazzjoni kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir Dr Joanna Spiteri, kif ukoll il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Samantha Pace Gasan.