PR211041: Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura s-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura s-servizz tal-fast ferry li se jkun qed jopera mill-Port il-Kbir fil-Belt Valletta għall-Port tal-Imġarr f’Għawdex.

Biex dan is-servizz ikun possibbli l-gvern investa €5 miljun biex saru l-faċilitajiet neċċessarji f’Malta u fl-Imġarr Għawdex, fosthom it-terminals, investiment li għalih wieġeb il-privat billi pprovda l-bastimenti li mil-lum bdew joperaw vjaġġi, f’inqas minn 45 minuta, bejn Malta u Għawdex.

Il-Prim Ministru ddeskriva l-metodu li bih il-gvern wasal għal din il-kisba bħala wieħed li jissimbolizza dak li jemmen fih il-gvern.

“Nemmnu f’pajjiż fejn l-istat jipprovdi l-opportunità biex il-privat, b’opportunitajiet indaqs, ikun jista’ joħlom u jikkompeti. Dan bil-għan li joħloq servizzi ġodda għaċ-ċittadin u jiġġenera x-xogħol u jkabbar l-ekonomija. Il-gvern u min joħloq ix-xogħol huma sħab importanti biex inkunu nistgħu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiem Għawdxi u Malti.”

Dan is-servizz se jfisser ukoll titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiem Għawdxi.

“Ħaddiem Għawdxi li juża t-trasport pubbliku u jaħdem il-Belt spjegali li permezz tal-fast ferry se jkun qed jirbaħ sagħtejn kuljum. Siegħa filgħodu u siegħa filgħaxija. F’ġimgħa, għaxar sigħat u f’sena 500 siegħa. Id-doppju ta’ kemm f’sena hu intitolat leave. Spjegali kif dawn is-sagħtejn kuljum għalih se jfissru iktar ħin mal-familja.”

Dr Abela tenna li apparti l-impatt li s-servizz tal-fast ferry se jħalli fuq il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema li jagħmlu użu minnu, se jħalli wkoll impatt pożittiv fuq l-infrastruttura marittima ta’ Malta.

“Infrastructure Malta qed tagħmel investiment miljunarju anke b’rabta mal-infrastruttura marittima. Bħal f’kull każ ieħor nagħmlu dan b’mod effiċjenti u b’valur għall-flus imħallsa mit-taxxi tal-poplu. Fejn naħdmu lejl u nhar, Sibt u Ħadd, festa u mhux, għax dan pajjiż li qed f’tellieqa li jrid jirbaħha. Tellieqa li nirbħuha bħala poplu, bin-nies fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna. Għax dan Gvern għan-Nies. F’pandemija ħadna ħsieb is-saħħa tan-nies iżda ma waqafniex nagħmlu r-riformi. Ma waqafniex inniedu proġetti ġodda. Ma waqafniex inlestu l-pajjiż għall-ġejjieni.”

Qabel l-ewwel vjaġġ ta’ dan is-servizz għamlu diskorsi wkoll il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “Illum hija ġurnata oħra importanti għal pajjiżna fejn permezz ta’ dan is-servizz ġdid se nkunu qed nerġgħu niftħu bibien pajjiżna għal staġun turistiku ieħor ta’ suċċess. Il-fast ferry hija investiment ieħor b’turija tal-impenn tagħna favur mobbiltà iktar effiċjenti u nadifa għal pajjiżna. Apparti li dan is-servizz se jkun qed itejjeb il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, se jkun qed jimmarka pass ieħor ’il quddiem f’dik li hi infrastruttura marittima denja. Rajna li naħtfu l-opportunità sabiex inkomplu noffru aktar faċilitajiet tal-ogħla livell permezz ta’ bosta xogħlijiet fuq il-mollijiet, fosthom f’Ta’ Liesse, il-Belt Valletta, u t-terminals aċċessibbli li se jkunu qed joffru l-aqwa servizz lill-passiġġieri kollha.”

Il-Ministru Borg tenna li dan il-proġett huwa wkoll investiment fil-ħaddiema kollha Għawdxin li jridu jivvjaġġaw ta’ kuljum lejn Malta.

“Permezz ta’ dan il-proġett investejna wkoll f’dawk il-ħaddiema kollha Għawdxin li jridu jivvjaġġaw ta’ kuljum lejn Malta sabiex jaqilgħu il-ħobża ta’ kuljum u lil dawn tajniehom ir-rigal tal-ħin fejn permezz tal-fast ferry, f’inqas minn 45 minuta se jkunu jistgħu jaslu lejn id-destinazzjoni tagħhom. Komplejna ninvestu wkoll f’dak li hu trasport pubbliku fejn parti minn dan il-proġett investejna anke f’rotot importanti fejn iż-żgħażagħ u l-istudenti Għawdxin jistgħu anke jivvjaġġaw lejn il-kulleġġ jew l-Università. Anke f’dik li hi rifużjoni, rajna li jingħata l-istess ammont bħal meta jintuża s-servizz tal-Gozo Channel.”

Huwa kkonkluda li l-pjan ta’ dan il-gvern għat-trasport huwa ħolistiku, li jħares long-term u li se jħalli l-marka tiegħu fuq il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Sostna li l-mobbiltà tkun dejjem iktar effiċjenti u nadifa permezz ta’ modi differenti bħalma huma t-trasport bil-baħar, trasport b’mezzi nodfa u alternattivi iżda fuq kollox anke trasport tal-massa.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan il-gvern huwa Gvern għan-Nies għaliex wiegħed li se jtejjeb l-aċċessibilità, li se jgħin lill-Għawdxin u jtaffilhom ftit mill-piż li jġib miegħu l-ivvjaġġar u dak li għamel. Qal li lill-Għawdxin mhux biss se niffrankawlhom il-ħin biex jaqsmu lejn Malta iżda se jkollhom iżjed ħin biex jużawh kif jixtiequ, mal-familja u mal-ħbieb tagħhom, iktar ħin liberu.

Semma li xi wħud saħansitra qed jaħsbu li jirrilokaw ruħhom lura f’Għawdex u jaqsmu kuljum permezz tal-fast ferry. Sostna, “Jien dejjem ngħid li Għawdex jibqa’ Għawdex kemm-il darba jibqgħu jgħixu l-Għawdxin fih u għalhekk l-aċċessibbiltà hija indispensabbli.”

Il-Ministru Clint Camilleri semma li t-titjib fil-konnettività se jfisser ukoll benefiċċji tajbin għan-negozji f’Għawdex u l-fast ferry mhux biss se tkun qed tintuża mill-Għawdxin li jaħdmu Malta iżda wkoll se tattira u tħajjar iżjed turisti li jiġu jqattgħu ftit ġranet ta’ btala f’Malta biex iżuru l-gżira Għawdxija.

Huwa wiegħed li l-ħidma tal-gvern se tissokta għall-ġid tal-Għawdxin u tal-Maltin, se jkomplu jitjiebu l-infrastruttura u l-aċċessibbiltà biex filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-kisbiet li saru, naħdmu u nistinkaw għal Għawdex u għal Malta aħjar, għaliex dan il-gvern huwa verament Gvern għan-Nies.