PR211050: Tnedija ta’ programm ta’ parenting skills għall-ġenituri b’diżabilità

Ġenituri b’diżabilità intellettwali issa ser ikunu jistgħu jirċievu programm speċjalizzat u prattiku dwar it-trobbija tal-ulied. Dan qed isir permezz ta’ investiment ta’ €14,000 f’real life baby simulator, ‘tarbija’ b’intelliġenza artifiċjali, kif ukoll sessjonijiet li juru l-proċess kollu tat-tqala u t-tibdil li jkun qed isir fil-ġisem tal-omm, permezz ta’ kits apposta. Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalita tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli f’konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema Gvern għan-Nies.

Il-Ministru Farrugia Portelli fakkret fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda li Malta hi firmatarja tagħha u li tenfasizza li persuni b’diżabbiltà għandhom dritt għas-sesswalità tagħhom. Dan miegħu għandu jġib mhux taboo imma impenn biex nedukaw fuq l-istadji kollha li wieħed ikun se jidħol għalihom.

Hi spjegat li dan il-programm ġie maħluq fuq studju li sar mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, bl-istess Fakultà toffri wkoll taħriġ lill-ewwel grupp ta’ professjonisti, inkluż ħaddiema soċjali mill-Aġenzija Sapport.

Il-kunċett se jinkludi edukazzjoni sesswali u sessjonijiet individwali u prattiċi, dwar kif tieħu ħsieb tarbija permezz ta’ ‘tarbija’ b’intelliġenza artifiċjali.

It-tarbija simulator tagħmel l-istess affarijiet ta’ tarbija tat-twelid u tirrekordja l-progress tal-ġenitur għal kif iwieġeb għall-biki, tibdil tal-ħrieqi u kif tinżamm it-tarbija bla ma titwaqqa’ jew tweġġa’.  Din l-informazzjoni mbagħad tintuża fis-sessjonijiet bejn il-persuna u l-professjonist sabiex jingħata t-taħriġ meħtieġ dwar kif il-ġenitur prospettiv jista’ jtejjeb il-ħiliet tiegħu meta jiġi biex jieħu ħsieb it-tarbija. Dan il-proċess isir qabel ma t-tarbija titwieled u għalhekk ikun għad hemm iż-żmien biex wieħed jakkwista dawn il-ħiliet, b’modi u proċessi li jkunu mħejjija apposta skont il-bżonnijiet u l-abilitajiet tal-individwu.

Aktar tard din is-sena se jsir taħriġ minn espert minn Università Kanadiża li se jkun qed joffri taħriġ speċjalizzat lill-professjonisti mill-Aġenzija Sapport.

Sabiex jitwassal dan il-proġett ser tkun għaddejja ħidma konġunta bejn diversi professjonisti minn timijiet differenti fi ħdan l-Aġenzija sabiex ikun assigurat li l-persuna tingħata pakkett ta’ sostenn komplut, kif ukoll kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet oħra fosthom anke dawk fis-servizzi tal-qasam tas-saħħa.

Dr Claire Lucille Azzopardi Lane, Kap tad-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà spjegat kif dan il-proġett kien jinkludi kemm riċerka ma’ ġenituri b’diżabilità kif ukoll taħriġ ta’ professjonisti. Dan it-taħriġ kien jitratta edukazzjoni sesswali li twassal għal deċiżjonijiet aktar infurmati dwar il-possibbiltà li jkollok it-tfal. Il-professjonisti tħarrġu wkoll fl-użu ta’ riżorsi li jintużaw ma’ persuni b’diżabilità, inkluż il-persuni b’ diżabilità intellettwali. Fost rakkomandazjonijiet oħra, ir-riċerka rrakkomandat li jingħata aktar taħriġ lill-professjonisti fl-użu ta’ assessments u parenting skills training li jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi ta’ ġenituri b’diżabilità, speċjalment dawk b’diżabilità intelletwali.

Fl-indirizz tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras spjegat kif dan il-proġett hu ħolqa importanti fil-katina ta’ servizzi li l-aġenzija qed tiżviluppa u twassal fil-komunità. Minbarra li dan hu l-ewwel servizz tax-xorta tiegħu, dan hu wkoll pass importanti ieħor għax ikompli jħares id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità f’dan il-każ, id-dritt għall-familja, iżda li fuq kollox hu intenzjonat li jirresponsabilizza lill-persuni b’diżabilità fit-trobbija tal-ulied. Permezz tal-impenn tal-aġenzija li tkompli tħarreġ lill-impjegati tagħha sabiex tkun tista’ twassal programmi speċjalizzat bħal dawn, dan ikompli jenfasizza wkoll il-bżonn li programmi bħal dawn ikunu mħejjija skont il-bżonnijiet tal-persuna u mhux b’mod ġeneriku, sabiex ikunu ta’ benefiċċju akbar.

Persuni li jkunu jixtiequ jirċievu dawn il-programmi ta’ parenting skills ser jiġu identifikati mill-professjonisti tal-Aġenzija jew jiġu referuti minn professjonisti oħra li jkunu involuti fil-ħajja tal-persuni b’diżabilità.