PR211194: Malta timpenja ruħha ma’ esperti ewlenin dwar id-diżabilità fis-CoSP 14

Il-ġimgħa li għaddiet, delegazzjoni li tirrappreżenta lil Malta, immexxija mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, ipparteċipat fl-14-il Konferenza tal-Istati Partijiet (CoSP) għall-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UN CRPD), organizzata mid-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tal-Ġnus Magħquda (DESA). Id-delegati ġew mill-Missjoni Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Aġenzija Sapport, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA), u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD).

Id-delegati pparteċipaw f’round tables tematiċi u avvenimenti sekondarji differenti, filwaqt li l-Ministru Farrugia Portelli għamlet ukoll stqarrija f’isem il-Gvern ta’ Malta, matul id-dibattitu ġenerali. Fiha, hija enfasizzat l-importanza ta’ sisien sodi biex inkunu nistgħu nibnu mill-ġdid b’mod aħjar – it-tema magħżula għas-CoSP ta’ din is-sena. Il-Ministru Farrugia Portelli ddiskutiet l-isforzi ta’ Malta fl-2021 biex tirriforma l-leġiżlazzjoni bażi, u tadotta strateġiji relevanti, filwaqt li toħloq jew issaħħaħ l-istrutturi meħtieġa fi ħdan is-settur tad-diżabilità Malti. Dan għandu l-għan li jiżgura li ħadd ma jitħalla barra, fl-ispirtu tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tal-Ġnus Magħquda, filwaqt li l-persuni b’diżabilità jkunu fiċ-ċentru tal-proċessi kollha, f’konformità mal-mantra tal-Konvenzjoni UN CRPD ta’ “Xejn Dwarna, Mingħajrna”.

Barra minn hekk, nhar il-Ħamis 17 ta’ Ġunju, il-Gvern ta’ Malta, permezz tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l- Kwalità tal-Ħajja, kompla t-tradizzjoni annwali tiegħu li jorganizza avveniment sekondarju waqt is-CoSP. It-tema magħżula għal din is-sena kienet “Libertà li Tgħix: It-triq għal Malta sal-2030”. Ko-sponsorjat flimkien ma’ Malta mid-DESA, u mill-Alleanza Internazzjonali tad-Diżabilità (IDA), dan l-avveniment iffoka fuq il-konsultazzjoni ta’ attivisti u esperti li pparteċipaw fil-konferenza, fir-rigward tal-“Libertà li Tgħix” – l-Istrateġija Nazzjonali ta’ Malta għall-2021-2030 dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Minħabba li dan id-dokument bħalissa dwaru għaddejja konsultazzjoni pubblika, Malta ħadet l-opportunità li tipparteċipa f’din il-konferenza, biex tkun tista’ tieħu feedback  u tiddiskuti l-aħjar prattiċi fir-rigward tax-xogħol li jrid isir sabiex tiġi implimentata din l-istrateġija, filwaqt li turi wkoll dak li kisbet sa issa.

Ippresedut mill-Ministru Farrugia Portelli, l-avveniment sekondarju ra interventi  mill-Ambaxxatur Vanessa Frazier, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York, u minn uffiċjali Maltin li jirrappreżentaw kemm lill-gvern kif ukoll lir-regolatur, flimkien ma’ kontribuzzjonijiet fuq il-panel minn rappreżentanti ta’ entitajiet ewlenin fil-livell internazzjonali – is-Sinjura Daniela Bas, Direttriċi tad-Dipartiment għall-Iżvilupp Soċjali Inklużiv (DISD) ta’ DESA, il-Prof. Gerard Quinn, ir-Rapporteur Speċjali tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, u s-Sinjura Villaney Remengesau, membru tal-Bord ta’ IDA.

Is-Sinjura Bas iddeskriviet lil Malta bħala pijunier fl-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa ta’ għodod bħal-leġiżlazzjoni u l-istrateġiji nazzjonali dwar id-diżabilità, bħala mezz biex issir ħidma biex titneħħa d-diskriminazzjoni u jiġu eliminati l-ostakli. Hija rreferiet ukoll għall-SDGs tal-Ġnus Magħquda, u l-importanza li jintużaw dawn l-għodod għall-implimentazzjoni ta’ miżuri u biex jintlaħqu l-istadji importanti stabbiliti f’għanijiet ewlenin tal-SDGs, bħal fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni.

Il-Prof. Quinn ikkummenta wkoll b’mod pożittiv dwar id-deċiżjoni ta’ Malta li torbot l-azzjonijiet tal-istrateġija tagħha mal-SDGs, u ddeskriva dan bħala eżempju tal-aħjar prattika. Huwa rrefera wkoll għal oqsma speċifiċi ta’ azzjoni li strateġija nazzjonali għandu jkollha l-għan li tindirizza b’mod partikolari, u nnota l-enfasi ta’ Malta fuq aktar sforzi sabiex jiġi żgurat id-dritt għal kulħadd li wieħed jgħix b’mod indipendenti fi ħdan il-komunità, kif ukoll sabiex tiġi sfruttata s-setgħa tal-konsultazzjoni u r-riċerka, b’persuni b’diżabilità fiċ-ċentru, u l-valur tal-isforzi ta’ kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali.

Is-Sinjura Remengesau enfasizzat l-isfidi li tiġi żgurata parteċipazzjoni xierqa u kostanti tal-għaqdiet tal-persuni b’diżabilità fil-proċessi relevanti kollha, filwaqt li użat ukoll l-esperjenzi tagħha ta’ meta ġġieldet sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni UN CRPD u l-SDGs f’Palau, stat gżira żgħir ieħor, domestikament kif ukoll f’kuntest reġjonali u internazzjonali.