PR211240: Proġett ta’ €7 miljun għaċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għal Persuni b’Diżabilità fl-Imtarfa

Fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jinbeda proġett ta’ €7 miljun fuq ristrutturar u tisbiħ fil-binja taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għal Persuni b’Diżabilità fl-Imtarfa. Il-proġett se jkun maqsum fuq medda ta’ ħames snin u mifrux fuq tliet fażijiet, bl-ewwel fażi se tara investiment ta’ €2.7 miljun. Il-proġett huwa wieħed minn fost il-miżuri mħabbra fil-baġit għal din is-sena b’risq is-settur tal-persuni b’diżabilità.

Dan iċ-ċentru, wieħed mill-11 immexxija minn Aġenzija Sapport f’Malta u Għawdex, jilqa’ fih madwar 100 persuna b’diżabilità. Iċ-ċentru se jkun qed jiġi estiż b’aktar binjiet, tisbiħ tal-binja preżenti b’titjib fil-faċilitajiet, kif ukoll ristrutturat tal-madwar, b’ġonna inkluż ġonna multi-sensorjali, parkeġġ, belveder, kif ukoll spazji ta’ rikreazzjoni aċċessibbli anke minn persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti. Matul l-implimentazzjoni tal-fażijiet kollha tal-proġett, se jkun assigurat li jinżammu l-istandards stabbiliti, kif ukoll is-sigurtà ta’ dawk li jagħmlu użu minn dan iċ-ċentru, bl-inqas interruzzjoni possibbli fil-provvediment tas-servizz. Dan waqt li l-proġett se jkun qed jitwettaq fuq pjan ta’ żvilupp sostenibbli u b’faċilitajiet li jħarsu l-ambjent.

It-tnedija ta’ dan il-proġett saret waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li, “Dan il-proġett huwa b’konformità ma’ dak imwiegħed fil-Programm Elettorali tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju 2017, li jitkompla l-immodernizzar taċ-Ċentri għal persuni b’diżabilità. Permezz ta’ dan il-proġett, l-Aġenzija Sapport se tkun tista’ toħloq ambjent aktar modern, kif ukoll aktar spazju u riżorsi minn fejn tkun tista’ twassal programmi inklussivi, terapewtiċi u edukattivi lill-persuni b’diżabilità li jattendu f’dan iċ-ċentru, peress li l-post kif inhu bħalissa jillimita l-iżvilupp ta’ dawn il-programmi.” Il-binja se tkun qed toffri wkoll spazju għal programmi li jiffukaw fuq għajxien indipendenti.

Il-Ministru Farrugia Portelli temmet tgħid li, “Ċertament li dan il-proġett se jkun prova oħra ta’ kemm il-gvern jemmen fil-prinċipju sagrosant li lill-persuna b’diżabilità għandna ngħinuha b’dak kollu possibbli biex tħossha inkluża fis-soċjetà, tħossha daqs u bħal kull persuna oħra.”

Is-Sinjura Ruth Rose Sciberras, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, enfasizzat li dan il-proġett hu pass importanti ieħor intenzjonat li jagħti aktar dinjità lill-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Aġenzija. Dan il-proġett se jkun qed jippermetti lill-professjonisti tal-Aġenzija sabiex jippjanaw u jimplimentaw aktar programmi inklussivi terapewtiċi u edukattivi lill-persuni b’diżabilità li jattendu dan iċ-ċentru f’ambjent modern u aċċessibbli, b’aċċenn ukoll fuq programmi ta’ għajxien indipendenti. Is-Sinjura Sciberras irringrazzjat lill-komunità tal-Imtarfa għall-kollaborazzjoni sabiex ikunu integrati l-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Aġenzija f’din il-lokalità. Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella.