PR211266: Il-Ministru Farrugia Portelli tipparteċipa f’sessjoni ta’ konsultazzjoni mal-persuni b’diżabilità intellettwali

B’rabta mal-impenn tal-gvern li jinkludi lil kulħadd fil-proċessi rilevanti kollha li jaffettwaw ħajjithom u l-futur tagħhom, u f’konformità mal-għan iddikjarat tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda li ‘Ħadd Ma Jitħalla Barra’, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli pparteċipat f’sessjoni ta’ konsultazzjoni organizzata għal persuni b’diżabilità intellettwali. Din is-sessjoni kienet parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni usa’ li sar fir-rigward ta’ ‘Libertà li Tgħix’, l-Istrateġija Nazzjonal għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità 2021-2030.

Il-Ministru Farrugia Portelli enfasizzat li, fl-ispirtu tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, ma għandu jkun hemm ‘Xejn Dwarna, Mingħajrna’, meta nieħdu passi biex insaħħu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Għal din ir-raġuni, hija rringrazzjat lill-parteċipanti tas-sessjoni għall-involviment u l-kontribut tagħhom, u semmiet li l-fehmiet tagħhom se jintużaw sabiex jinfurmaw l-eżerċizzju tal-gvern biex jaġġorna d-dokumenti ta’ konsultazzjoni rilevanti, wara t-tmiem tal-konsultazzjoni pubblika.

Sabiex jiġi żgurat li din il-konsultazzjoni tkun aċċessibbli għal kulħadd, il-Ministeru ħareġ ukoll verżjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż biex ikun faċli li wieħed jaqra d-Dokument ta’ Konsultazzjoni dwar l-Istrateġija, flimkien ma’ verżjonijiet standard, u d-dokumenti kollha kienu disponibbli permezz ta’ mezzi differenti użati għall-konsultazzjoni pubblika. Barra minn hekk, risposti għad-domandi tal-konsultazzjoni jistgħu jingħataw permezz ta’ formola online sempliċi u li tinftiehem, disponibbli bil-Malti u bl-Ingliż, li hija mfassla wkoll b’tali mod li tagħmilha aċċessibbli għal persuni b’diżabilità fosthom dawk b’nuqqas ta’ vista.

Is-sessjoni nnifisha kienet immexxija minn Lorraine Pleven, responsabbli mill-Kumitat Konsultattiv tas-CRPD (Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità) għall-Persuni b’Diżabilità Intellettwali (KCC), u filwaqt li ġew spjegati aspetti differenti tal-istrateġija, ġew diskussi mistoqsijiet ta’ konsultazzjoni b’tali mod li jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilità intellettwali jkunu taw il-fehmiet tagħhom dwar id-dokument, u dwar tħassib speċifiku u ġenerali li xtaqu li jiġu indirizzati permezz ta’ strateġija finali.

L-attività ġiet organizzata fi Skill Space, faċilità mmexxija minn Aġenzija Sapport, li tipprovdi servizzi fil-komunità lil persuni b’diżabilità intellettwali. Il-parteċipanti ġew indirizzati wkoll minn Ruth Sciberras, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Samantha Pace Gasan, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, u s-Sur Matthew Vella, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja.

L-eżerċizzju usa’ ta’ konsultazzjoni pubblika fir-rigward tal-Istrateġija jibqa’ għaddej sas-7 ta’ Lulju 2021, u l-pubbliku inġenerali huwa mistieden jaqsam il-fehmiet tiegħu permezz ta’  https://meae.gov.mt/mt/Public_Consultations/MISW/Pages/Consultations/StrategijaNazzjonalighalMaltadwaridDrittijiettaPersunibDi%C5%BCabilita20212030.aspx.