PR211269: Jitħabbru r-rebbieħa tal-Malta Youth Film Festival 2021

F’ċerimonja li ttellgħet il-Ġimgħa filgħaxija fil-Youth Village Complex li l-Aġenzija Żgħażagħ għandha f’Santa Venera tħabbru u tqassmu l-premjijiet lir-rebbieħa tal-Malta Youth Film Festival għas-sena 2021. Għall-festival ta’ din is-sena ġew innominati 12-il film u ngħataw tmien premjijiet.

Il-Malta Youth Film Festival huwa organizzat mill-Aġenzija Żgħazagħ u l-għaqda mhux governattiva Malta Film Foundation b’kollaborazzjoni mal-Malta Film Commission. Il-festival jinkoraġġixxi individwi jew gruppi ta’ produtturi tal-films fl-etajiet ta’ bejn is-16 u t-30 sena biex jesprimu lilhom infushom permezz tal-produzzjoni ta’ films u jikkumplimentaw l-isforzi ta’ istituzzjonijiet akkademiċi fl-istudji tagħhom dwar il-films u l-media.

Ir-rebbieħa tal-festival ta’ din is-sena huma:

Award for Best story telling quality – Bruce Micallef Eynaud
Award for Best direction – Jeremy Vella
Most original concept – Amy Azzopardi
Best acting – Anthony Mizzi
Audience engagement award – Christabelle Rapa
Public Choice Award – Eric Montebello
Best cinematography – Clive Brincat
Best picture – Bruce Micallef Eynaud

Fost il-mistednin għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ddeskriviet il-produzzjoni tal-films bħala qasam ieħor li qed joffri sfidi u orizzonti ġodda għaż-żgħażagħ tagħna li ċertament ikun ħaqqhom kull inkoraġġiment meta jidħlu għal avventura bħal din. “L-Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Malta Film Foundation ħaqqhom kull tifħir u inkoraġġiment għal din l-inizjattiva, inkoraġġiment rifless ukoll fil-kollaborazzjoni li sabu min-naħa tal-Malta Film Commission,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Hija qalet li għalkemm il-Malta Film Commission twaqqfet fis-sena 2000, l-istorja ta’ Malta bħala destinazzjoni għall-produzzjoni tal-films tmur lura għal aktar minn 90 sena. “F’Malta nġibdu partijiet sostanzjali minn films kbar bħalma huma Gladiator fis-sena 2000, Munich (2005), Assassin’s Creed (2016) u Murder on the Orient Express (2017). B’umiltà u nostalġija nirreferi wkoll għall-ġbid ta’ films f’Malta ferm aktar riċenti minn hekk meta s-sena li għaddiet bħala Ministru għat-Turiżmu kelli fid-dekasteru tiegħi lill-Malta Film Commission. F’Awwissu u f’Settembru li għaddew inġibdu f’Malta, fost l-oħrajn, il-produzzjonijiet The Seed u Jurassic World Dominion. F’Novembru kellna l-produzzjoni Ingliża Jet Ski waqt li f’Diċembru li għadda nħareġ għall-wiri fuq Netflix il-film Taljan L’Incredibile Storia dell’Isola Delle Rose li wkoll inġibed f’Malta. L-industrija tal-produzzjoni tal-films hija waħda li qed tirrendi miljuni ta’ ewro għal pajjiżna, qed toħloq għadd sostanzjali ta’ impjiegi u opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u allura jagħmel ħafna sens li tittieħed inizjattiva bħalma hija l-Malta Youth Film Festival,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima rringrazzja lil Aġenzija Żgħażagħ għax-xogħol siewi li twettaq maż-żgħażagħ u qal li matul is-snin dan il-festival baqa’ jikber u dejjem tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.

Is-segretarju parlamentari żied li inizjattivi bħal dawn jipprovdu spazji fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u fuq kollox jippromwovu l-iżvilupp sħiħ tal-persuna.