PR211304: Kompetizzjoni ta’ tpinġija għal tfal u adoloxxenti dwar xi tfisser kwalità tal-ħajja (maltese version only)

Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja nieda kompetizzjoni tat-tpinġija li għaliha huma eliġibbli tfal u adoloxxenti li l-età tagħhom hi ta’ bejn ħames snin u 16-il sena. It-tema ta’ din il-kompetizzjoni hija ‘Xi tfisser għalik kwalità tal-ħajja?’, u għandha l-għan li tqajjem kuxjenza fit-tfal u adoloxxenti li anke minn ċkunithom jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba. Il-kompetizzjoni se tkun maqsuma f’żewġ kategoriji, waħda għal tfal ta’ bejn il-ħames u l-10 snin, u l-oħra għal adoloxxenti ta’ bejn il-11 u s-16-il sena.

F’diskors li għamlet waqt it-tnedija ta’ din il-kompetizzjoni, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li, “L-għan tagħna hu li naraw mill-perspettiva tat-tfal x’jifhmu bi kwalità tal-ħajja. Il-lenti tat-tfal u l-adoloxxenti hi importanti fi proċess san tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-vuċi tagħhom hi importanti daqs tal-adult”.

Il-ministru żiedet tgħid li, “Irridu li minn ċkunithom it-tfal u l-adoloxxenti jitgħallmu janalizzaw sitwazzjonijiet differenti li jagħmlulhom ġid jew deni, irriduhom jitgħallmu kif huwa vitali li jinħoloq bilanċ f’kollox, kemm jekk jirrigwarda xogħol, ikel, żvilupp infrastrutturali, u divertiment, fost oħrajn – bilanċ li ċertament iwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Irridu naraw kif it-tfal u l-adoloxxenti jħarsu lejn il-qasam tal-volontarjat b’risq tfal b’diffikultajiet kif ukoll kif iħarsu lejn l-annimali. Qegħdin nistednuhom jesprimu dan kollu permezz ta’ tpinġijiet”.

Is-Sur Christopher Bonniċi, iċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Għażla, saħaq li din il-kompetizzjoni għandha żewġ għanijiet: l-ewwel wieħed hu li tgħin lil ulied is-soċjetà Maltija jesprimu bit-tpinġija dak illi jħossu li huwa ta’ kwalità fil-ħajja tagħhom, kif ukoll li fix-xhur tas-sajf jieħdu gost jagħmlu proġett u fl-istess waqt jitgħallmu u jifhmu japprezzaw dejjem aktar dak li għalihom huwa importanti u jagħtihom ħajja aħjar. Ma aħniex infittxu biss sbuħija estetika, imma qegħdin infittxu aktar il-kreattività u l-ideat.

It-tpinġijiet għandhom jintbagħtu bil-posta jew bl-idejn f’89, Palazzo Francesco, Triq Sir Ugo Mifsud, Ħal Lija, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2021. Ir-rebbieħa taż-żewġ kategoriji se jingħataw premijiet b’valur ta’ €350 kull wiehed filwaqt li għat-tieni u t-tielet post se jingħataw premijiet b’valur ta’ €150 u €75 rispettivament. Ir-rebbieħa jitħabbru fit-30 ta’ Settembru, 2021. Jingħata wkoll ċertifikat ta’ parteċipazzjoni għal kull sottomissjoni. Kull parteċipant jista’ jissottometti tpinġija waħda biss.