PR211555: Jibda l-proċess biex jibdew jinbidlu l-uċuħ tal-grounds tal-futbol

Sa nofs is-sena d-dieħla mistenni li jkunu nbidlu l-uċuħ tat-turf sintetiku ta’ tliet grounds tal-futbol filwaqt li ground ieħor ikun sarlu l-wiċċ għall-ewwel darba, b’hekk ikun beda jiġi implimentat ftehim, b’investiment ta’ €6 miljuni, li permezz tiegħu fuq medda ta’ tmien snin se jkunu qegħdin jinbidlu 55 wiċċ ta’ ground f’Malta u 13 f’Għawdex. Bħalissa għaddej il-proċess ta’ procurement relatat ma’ dan ix-xogħol.

Il-ftehim għal dan l-investiment sar aktar kmieni din is-sena bejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) u s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja. L-implimentazzjoni tal-ftehim se tkun fir-responsabbiltà tal-MFA filwaqt li l-investiment finanzjarju se jsir mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja.

L-ewwel uċuħ ta’ turf artifiċjali li se jkunu qegħdin jinbidlu huma dawk ta’ Imqabba FC, b’investiment ta’ aktar minn €89,000, Mosta FC b’investiment ta’ aktar minn €232,000 u ta’ Mellieħa FC b’investiment ta’ aktar minn €183,000. L-uċuħ tat-turf sintetiku ta’ dawn il-grounds kienu saru fis-sena 2009. Il-ground li se jsirlu wiċċ ta’ turf artifiċjali għall-ewwel darba huwa dak tad-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera b’investiment ta’ aktar minn €185,000.

Ħabbret dan il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-ground tal-futbol ta’ Mqabba FC u li għaliha kienu preżenti wkoll il-President tal-MFA Bjorn Vassallo u l-President ta’ Mqabba FC.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dan hu l-ikbar investiment li għamel il-gvern fit-tfal u żgħażagħ tagħna. Apparti minn hekk il-Ministru sostniet li dan l-investiment f’faċilitajiet sportivi aħjar, iservi biex jattira aktar tfal u żgħażagħ lejn il-faċilità, xi ħaġa li nixtiequha għax huwa fatt magħruf li l-attivitajiet sportivi jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Apparti minn hekk, meta jiġi meqjus il-fatt li fil-maġġoranza assoluta postijiet bħal dawn huma amministrati b’mod volontarju, tali investiment iservi ta’ inkoraġġiment għall-ħidma volontarja għax ikun jirrifletti li ħidmet dawn in-nies qegħda tkun apprezzata kif jixraq. Minn dan l-investiment se jkunu qegħdin jibbenefikaw 68 klabb tal-futbol f’Malta u Għawdex kif ukoll assoċjazzjonijiet li huma membri tal-MFA.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega kif dan l-investiment li qed jara t-tibdil tal-wiċċ sintetiku ta’ diversi grounds se jkompli jassigura li t-tfal u ż-żgħażagħ li jitħarrġu fil-futbol jagħmlu dan f’kundizzjonijiet professjonali u ta’ livell għoli.

Is-Segretarju Parlamentari qal li investimenti u proġetti ta’ din il-kwalità huma xhieda tal-impenn tal-gvern li jkompli jsaħħaħ l-investiment fl-isport għat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin biex jagħmlu l-qabża fil-kwalità.

Min-naħa tiegħu l-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li l-Malta Football Association, b’assistenza tal-gvern ċentrali, qed taħdem fuq proġetti biex tara l-football Malti jimxi ’l quddiem skont l-objettivi strateġici.

Vassallo kompla jgħid li “apparti l-aspett kalċistiku, il-Gvern iddedika fondi pubbliċi biex jiggarantixxi infrastruttura ta’ livell, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-futbol għandu bżonn faċilitajiet tajba għat-taħriġ u l-kompetizzjonijiet biex dawn isiru f’ambjenti li huma pożittivi, adekwati u sani fejn it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, nisa u rġiel ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport bl-aħjar mod possibbli.

“Wara investiment li sar mill-MFA fis-snin li għaddew biex il-pitches tal-klabbs f’Malta u Għawdex jinbnew mill-ġdid, il-Gvern issa qiegħed jintervjeni b’assistenza finanzjarja biex jinbidlu gradwalment, l-uċuħ b’ħaxix artificjali.  Dawn il-proġetti se jagħtu s-sigurtà neċessarja lill-atleti.  Dan huwa kollu għall-ġid tal-komunità għax il-klabbs ma joffrux biss futbol imma għandhom missjoni importanti fil-komunitajiet tagħna’ temm jgħid il-President tal-MFA.

Iċ-chairman tal-Imqabba FC Charles Farrugia esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-klabb tal-Imqabba se jkun fost l-ewwel grawnds li se jinbidillu l-wiċċ tiegħu, filwaqt li sostna li permezz ta’ dan l-investiment se jkun hemm inqas injuries waqt it-taħriġ.