PR211610: Tinfetaħ dar ġdida għal tfal b’diżabbiltà (maltese version only)

B’investiment kapitali ta’ aktar minn €200,000, l-organizzazzjoni mhux governattiva ‘Embrace Diversity’ fetħet dar ġdida f’Baħar iċ-Ċagħaq għal tfal b’diżabbiltà.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli żaret dan iċ-ċentru u rat ix-xogħol li sar u li għadu għaddej fuq il-post kif ukoll is-servizzi li jingħataw. 

Il-President tal-NGO Claudette Curmi spjegat li l-investiment ġdid infetaħ f’Lulju li għadda u ra villa f’Baħar iċ-Ċagħaq tinbidel f’ċentru li minnu tfal b’diżabbiltajiet differenti jingħataw is-servizzi meħtieġa. Bħalissa s-servizzi qed jingħataw lil 30 familja differenti.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li din l-organizzazzjoni toffri kwalità ta’ ħajja aħjar lit-tfal u hija wkoll ta’ wens għall-ġenituri li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz.

Sostniet li dan l-investiment mill-privat ikompli juri l-impenn kollettiv nazzjonali li tfal b’diżabbiltà jkunu offruti programmi interessanti u li jistimula lil tfal b’diżabbiltajiet differenti.

L-organizzazzjoni ‘Embrace Diversity’ hija mmexxija minn ġenituri li kollha għandhom tfal b’diżabbiltà u din toħroġ il-vera mħabba u dedikazzjoni li qed jagħtu kemm lit-tfal u kemm lill-organizzazzjoni biex tibqa’ tgħin aktar familji.

It-tfal jiġu offruti servizzi terapewtiċi, sensorjali, drama, arti u żfin fost l-oħrajn.