PR211758: 51% tan-nies li ħadu sehem fi proġett pilota kellhom problemi tas-smigħ

Riċerka b’testijiet tas-smigħ f’numru ta’ rħula f’Malta sabet li 51% tan-nies li ħadu sehem, kellhom problemi fis-smigħ.

Għal din ir-riċerka, li saret fuq inizjattiva tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba, u li bdiet f’Ġunju li għadda, ġew invistati diġà 383 persuna. Fit-tieni parti tal-proġett, li bdiet illum, se jiġu invistati 200 persuna oħra.

Ir-riżultati tar-riċerka ġew ippreżentati minn Dr Andrew Sciberras f’isem l-Assoċjazzjoni tal-Awdjoloġisti Maltin.

Ir-riċerka saret fi 15-il raħal f’Malta fosthom Ħal Safi, Ħad-Dingli, Ħal Kirkop, il-Qrendi, iż-Żurrieq, l-Imtarfa u r-Rabat.

Dr Andrew Sciberras spjega li l-istudju sa issa qed juri li 49% għandhom smigħ normali bi problemi ħfief, filwaqt li 51% għandhom xi tip ta’ problema tas-smigħ. L-istatistika turi li filwaqt li 27% għandhom smigħ bi problemi ħfief għal moderati, 17% għandhom smigħ bi problemi moderati , 6% għandhom smigħ bi problemi moderati għal severi, u 1% għandhom smigħ bi problemi severi.

L-istatistika tal-ewwel eżerċizzju identifikat diversi problemi tas-smigħ, fosthom li 36% ta’ dawk li għandhom il-problemi jaħdmu f’ambjent ta’ xogħol storbjuż u ma jużaw l-ebda tip ta’ protezzjoni bħal apparat tal-widnejn li joqtol il-ħsejjes (noise cancelling headphones).

35% għandhom diffikultajiet tas-smigħ minħabba xema’ u dawn ingħataw l-opportunità li jirċievu trattament mediku mingħand tabib, filwaqt li 5% kellhom kundizzjoni mhux magħrufa fil-parti ta’ barra ta’ widnejhom, u dawn ukoll irriżulta li għandhom bżonn jirċievu kura minngħand tabib.

35% tan-nies li ħadu sehem kellhom bejn 60 u 70 sena, filwaqt li ż-żewġ gruppi l-oħra kienu maqsumin f’persuni bejn il-50 u s-60 sena u s-70 u t-80 sena rispettivament. 51% ta’ dawk li għamlu t-test kienu nisa.

Il-Ministru għall-Inkużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar kif din ir-riċerka qed tikkonsolida minn issa parti mill-istrateġija nazzjonali dwar id-diżabilità, fejn objettiv numru tnejn jitkellem b’mod ċar dwar l-importanza tal-ġbir tar-riċerka, filwaqt li jkompli jitqajjem għarfien dwar diżabilitajiet differenti.

Il-Membru tal-Parlamenti Ewropew Alex Agius Saliba saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-proġett, hekk kif għall-ewwel darba qed naraw b’mod xjentifiku stampa ċara tal-problemi li għandna fil-pajjiż fejn tidħol is-saħħa tas-smigħ. Qal ukoll li dawn in-numri għandhom joħolqu għarfien akbar fost il-pubbliku sabiex kulħadd jagħmel it-testijiet neċessarji biex jekk ikun hemm każijiet ta’ problemi wieħed ikun jista’ jinnota l-kwistjoni fi stadju bikri u b’hekk jevita li dawn iwasslu għal diżabilità permanenti.