PR211784: Tnediet l-Istrateġija Nazzjonali 2021-2030 għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità

Illum tnediet l-Istrateġija Nazzjonali 2021-2030 għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità bit-tema ‘Libertà li tgħix’. L-għan ewlieni ta’ din l-istrateġija huwa li tipprovdi pjan direzzjonali għas-settur Malti tad-diżabilità matul is-snin li ġejjin li jwassal sas-sena 2030, is-sena identifikata għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda. It-tnedija ta’ din l-istrateġija saret waqt attività li ttelgħet llum u li matulha saru żewġ sessjonijiet ta’ diskussjoni bil-parteċipazzjoni ta’ diversi rappreżentanti minn entitajiet governattivi kif ukoll minn għaqdiet non-governattivi li kollha għandhom konnessjoni diretta ma’ persuni b’diżabilità.

L-istrateġija tikkonsisti minn 13-il objettiv, b’kull wieħed minnhom għandu marbutin miegħu 63 azzjoni differenti. L-azzjonijiet kollha huma marbutin ma’ skedi ta’ żmien speċifiċi għall-implimentazzjoni tagħhom.

Fid-diskors tagħha għat-tnedija tal-istrateġija, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li dan id-dokument jirrappreżenta proġett ambizzjuż ta’ nazzjon.

“Dan id-dokument mhux biss jirrappreżenta l-kumpass soċjali ta’ dan il-pajjiż imma qed jagħti direzzjoni ċara ta’ x’għandhom ikunu dawk il-pedamenti li rridu li kull ċittadin jibni fuqhom. Bit-tnedija ta’ din l-istrateġija qed inwettqu wegħda oħra elettorali fejn jidħol is-settur ta’ persuni b’diżabilità. Wara li fis-sena 2014 wellidna l-Politika Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità issa kien imiss li nfasslu l-istrateġija ta’ implimentazzjoni. U hekk għamilna,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Fid-diskors tagħha l-Ministru Farrugia Portelli rreferiet għall-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li wassal għat-tfassil tal-istrateġija u “li matulu rajna u smajna l-opinjonijiet ta’ stakeholders minn diversi entitajiet pubbliċi u privati u anke ta’ individwi bħalma huma professjonisti u akkademiċi imma fuq kollox ta’ persuni b’diżabilità u ta’ qrabathom. Nemmnu li l-ebda azzjoni, irrispettivament minn kemm tkun kbira jew żgħira, ma tista’ titwettaq b’mod xieraq, jew jista’ jkollha leġittimità jekk fit-tfassil tagħha ma jkunux involuti l-persuni b’diżabilità u ma jitpoġġewx fil-qalba ta’ kull pass li jsegwi bħala riżultat tax-xogħol li jkun sar. Dan b’konformità mal-prinċipju ewlieni tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità ‘Xejn Dwarna, Mingħajrna’. Huwa għalhekk ukoll li mhux biss ikkonsultajna u involvejna lid-diversi stakeholders qabel ma ffinalizzajna l-istrateġija iżda wkoll wara, meta nimplimentawha.”

Il-Ministru Farrugia Portelli rringrazzjat lil kull min ħadem fuq it-tfassil tal-istrateġija u lil dawk li se jkunu qegħdin jaħdmu biex l-istrateġija ‘Libertà Li Tgħix’ ma tibqax biss dokument fuq karta imma titwettaq fir-realtà.

Dr Alistair de Gaetano, responsabbli mill-Uffiċċju għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (ODI) fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, qal li l-istrateġija hija pjan għal 10 snin li l-istat huwa marbut li jimxi miegħu. “Pjan imsejjes fuq il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, jorbot mal-Għanijiet dwar Żvilupp Sostenibbli u jagħti ċertezza u ċarezza lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom. Nafu li mexjin fid-direzzjoni t-tajba, bl-istrateġija tikseb tifħir saħansitra mingħand d-Direttur għall-Iżvilupp Soċjali Inklużiv tal-Ġnus Magħquda u r-Rapporteur Speċjali tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità,” qal Dr De Gaetano.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Matthew Vella, qal li din l-istrateġija timxi id f’id mal-Istrateġija għas-Servizz Pubbliku mhux biss għax se tkompli tiffaċilità l-aċċessibbiltà iżda wkoll tissimplifika l-proċessi għall-persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom u għalhekk timmira għal titjib fis-servizzi provduti. Apparti minn hekk, it-teknoloġija flimkien mar-riċerka, kollaborazzjoni ma’ setturi differenti kif ukoll taħriġ għal diversi professjonisti f’oqsma varji fis-settur tad-diżabilità li jiffurmaw parti integrali mill-punti ta’ azzjoni fl-objettivi ta’ din l-istrateġija, jagħmluha iktar tanġibbli sabiex tilħaq id-diversi miri għal dan is-settur.