PR211872: Jiġi ffirmat ftehim bejn il-Fondazzjoni Kreattività u l-Aġenżija Żgħażagħ (maltese version only)

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima ppresedew għall-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Fondazzjoni Kreattività u l-Aġenżija Żgħażagħ.

L-għan ta’ dan il-ftehim bejn iż-żewġ entitajiet huwa sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-arti kreattiva fost iż-żgħażagħ u tippromwovi l-parteċipazzjoni attiva tagħhom. Din il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet ser twassal sabiex jiżviluppaw inizjattivi u attivitajiet li jistgħu jikkontribwixxu lejn aktar għarfien dwar l-importanza tal-arti kreattiva fost iż-żgħażagħ. 

Fondazzjoni Kreattività għandha numru ta’ ftehim ta’ kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet pubbliċi, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet volontarji fejn dawn il-kollaborazzjonijiet jiffaċilitaw ix-xogħol ta’ Spazju Kreattiv li jservi ta’ qafas għal struttura formali li apparti t-talent jiffjorixxi, il-partijiet konċernati jħarsu lejn l-għan fit-tul komuni.

Il-Ministru Herrera saħaq li “Spazju Kreattiv qiegħed hemm sabiex iservi ta’ think-tank għall-ħsieb artistiku u kulturali f’pajjiżna. Nafferma illi l-kultura u l-arti huwa dritt inerenti tal-bniedem, għalhekk dan il-ftehim iservi bħala outreach fejn ninvolvu b’mod dirett liż-żgħażagħ, sabiex minn ċkunithom jkunu jagħrfu jgawdu dan id-dritt tagħhom.” Huwa kompla li dan il-ftehim jikkumplimenta wkoll il-programm ta’ Spazju Kreattiv għax fil-programm vast li għadu kif ġie mniedi  riedu li jinvolvu liż-żgħażagħ. 

Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li l-ffirmar ta’ dan il-ftehim bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattività huwa b’konformità mal-ħames għan Strateġiku tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ li ġiet imnedija ftit ta’ xhur ilu. Il-Ministru spejgat kif dan il-ftehim jirrifletti l-appoġġ tal-gvern għal programmi varji nazzjonali, proġetti u inizjattivi minn setturi differenti għal żgħażagħ li jieħdu ħsieb u jippromwovu l-istat ta’ saħħa tajba, kreattività, espressjoni artistika u kulturali, u innovazzjoni u involviment biex jiġu indirizzati suġġetti globali għal żvilupp sostenibbli.

Fil-konklużjoni tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli qalet li “Aġenzija Żgħażagħ se tkun qed taħdem b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattività biex ikunu żviluppati u implimentati inizjattivi u attivitajiet li jinformaw u jkattru l-għarfien dwar l-importanza tal-arti kreattiva fost iż-żgħażagħ u jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom.”

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq kif il-Gvern permezz ta’ dan il-ftehim jikkonferma l-impenn tiegħu lejn iż-żgħażagħ u l-arti kreattiva u kkonferma li ż-żewġ materji jmorru id f’id u jistħoqqilhom kull investiment u sostenn. Dan l-iffirmar, ixxprunat mill-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li serviet bħala punt ta’ gwida strateġiku, se jiżgura li tiżdied il-kuxjenza u ssaħħaħ l-importanza tal-arti kreattiva fost iż-żgħażagħ. Is-Segretarju Parlamentari spjega kif iż-żgħażagħ huma l-futur ta’ pajjiżna u kull investiment u ftehim li jsir fil-preżent u li huwa maħsub li jinforza lis-settur taż-żgħażagħ se jkun qed iħalli l-frott fis-snin li ġejjin. 

Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda jgħid li, “iż-żgħażagħ u l-kreattività huma katina li jmorru id f’id. Bħala l-futur ta’ pajjiżna, il-Gvern huwa kommess u determinat li jinvesti fil-ħiliet taż-żgħażagħ tagħna u jaċċerta li ż-żgħażagħ iħaddmu u jimmassimizzaw l-abbiltajiet tagħhom. Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima kkonkluda jgħid li “kull investiment fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin huwa investiment dirett f’Malta ta’ għada.”

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai saħaq li l-għan tal-Fondazzjoni huwa li jaġixxu bħala katalist fl-iżvilupp ta’ sezzjonijiet speċjalizzati fis-settur kulturali u kreattiv u li jkomplu joħolqu opportunitajiet u jgħinu fl-iżvilupp ta’ artisti futuri fis-settur kreattiv Malti u li tkompli tgħaqqad artisti emerġenti u dawk stabbiliti. 

Fondazzjoni Kreattività u Aġenżija Żgħażagħ ikkollaboraw fis-snin li għaddew u ġiet stabbilita relazzjoni pożittiva bejn iż-żewġ entitiajiet fejn ħolqu ambjent pożittiv u kreattiv għaż-żgħażagħ fi ħdan il-programm. Il-kollaborazzjoni hija vitali għall-espressjoni kreattiva kontemporanja u b’mod aktar speċifiku għall-programm ta’ Spazju Kreattiv li permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ artisti, organizzazzjonijiet, entitajiet u individwi, talent lokali jilħaq livell ieħor, temm jgħid Cefai.