PR212044: Ippremjati l-kunsilli tal-istudenti rebbieħa tal-iStudent Councils Democracy Awards

Ħames kunsilli tal-istudenti rebħu l-Premju tad-Deheb, ħamsa rebħu l-Premju tal-Fidda u sitta oħra rebħu l-Premju tal-Bronż fit-tieni edizzjoni tal-iStudent Councils Democracy Awards. F’din l-edizzjoni pparteċipaw 16-il skola sekondarja u istituzzjonijiet post-sekondarji bil-parteċipazzjoni ta’ 200 żagħżugħ u żagħżugħa.

Il-ħames kunsilli tal-istudenti rebbieħa tal-Premju tad-Deheb huma l-Kulleġġ Santa Giovanna Antide, Skola Sekondarja Immakulata Kunċizzjoni; Skola Santa Monika; Skola Medja San Ġorġ Preca, Blata l-Bajda; Skola Medja Kulleġġ Santu Ignazju, Tal-Ħandaq; u s-Sixth Form tal-Kulleġġ San Alwiġi. Il-ħames kunsilli li rebħu l-Premju tal-Fidda huma s-Seminarju Minuri Qalb ta’ Ġesu, Rabat, Għawdex; Kulleġġ St Edward’s; is-Sixth Form tal-Kulleġġ De La Salle; il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija – MCAST; u l-Youth.Inc – Aġenzija Żgħażagħ. Is-sitt rebbieħa tal-Premju tal-Bronż huma s-Seminarju Minuri tal-Arċisqof, Rabat; l-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof tar-Rabat, Għawdex; l-Iskola San Anton, fl-Imġarr; il-Malta Visual and Performing Arts School Ħamrun; l-Iskola Medja tal-Kulleġġ San Nikola, Rabat; u s-Sixth Form Sir M.A. Refalo.

L-iStudent Councils Democracy Awards jikkonsistu fl-implimentazzjoni ta’ pjani ta’ azzjoni matul is-sena akkademika mill-iskejjel u istituzzjonijiet parteċipanti. Dawn jingħataw €150 u €300 rispettivament bħala inċentiv biex jipparteċipaw, filwaqt li nħoloq toolkit li jiggwidahom fil-proċess, filwaqt li youth workers jagħtu appoġġ lill-kunsilli tal-istudenti u lill-kordinaturi tal-iskejjel.

It-tqassim tal-premjijiet sar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli li d-dekasteru tal-ministeru mmexxi minnha jinkludi wkoll il-qasam taż-żgħażagħ, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li meta fis-sena 2018, “Tajna l-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena, konna qegħdin insaħħu l-pożizzjoni tagħna li nagħtu aċċess aktar wiesa’ liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw fil-proċess demokratiku ta’ pajjiżna. Fl-istess waqt, ridna li jkun hemm programmi edukattivi fl-iskejjel biex jippreparaw liż-żgħażagħ bl-aħjar mod ħalli jkunu jistgħu jużaw dawn id-drittijiet il-ġodda bl-aktar mod responsabbli. Il-kunsilli tal-istudenti huma opportunità tajba biex l-istudenti jidħlu fi proċessi demokratiċi f’komunitajiet iżgħar fl-iskejjel ħalli flimkien mal-għalliema u dawk li jagħtuhom id-direzzjoni jkunu jistgħu jikbru f’kuntest aktar demokratiku u parteċipattiv.”

L-iStudent Councils Democracy Awards ġiet deskritta mill-Ministru Farrugia Portelli bħala li, “Qed tgħin liż-żgħażagħ tagħna biex jiksbu aktar ħiliet personali u soċjali, li jgħinuhom biex ikunu aktar responsabbli u biex jitgħallmu jkunu kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet. Hu importanti li jsiru programmi bħal dawk li jenfasizzaw fuq il-valuri tad-demokrazija, ċittadinanza attiva, parteċipazzjoni fis-soċjetà, djalogu, tmexxija u ugwaljanza.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima qal li, “Permezz ta’ dan il-programm, Aġenzija Żgħażagħ qed tkun valur miżjud fil-ħajja taż-żgħażagħ tagħna. Infatti, qegħdin naraw kif bil-fatti għandek 200 student li bbenefikaw minn dan il-programm sabiex jimplimentaw il-proġetti tagħhom, u b’hekk qed tgħinhom jiżviluppaw il-valuri tagħhom. Permezz ta’ dan il-programm qegħdin nikkonfermaw kemm iż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur ta’ dan il-pajjiż iżda fuq kollox huma parti integrali ukoll mill-preżent ta’ pajjiżna.”