PR212181: Aġenzija Sapport fi ftehim mal-privat għal servizz ta’ respite b’valur ta’ €6.7 miljun

Aġenzija Sapport, l-aġenzija nazzjonali għall-provvediment ta’ servizzi għal persuni b’diżabilità fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, daħlet f’kuntratt ġdid mal-entità privata ĦILA Homes Ltd li permezz tiegħu se jkunu qed jingħataw servizzi ta’ respite kemm fuq bażi fit-tul kif ukoll fuq perjodi qosra.

Il-kuntratt, b’valur ta’ €6.7 miljun, se jkun mifrux fuq tliet snin u permezz tiegħu se jkunu pprovduti minimu ta’ 50 post għal persuni b’diżabilità.

ĦILA Homes Ltd se tkun qed tipprovdi dawn is-sodod minn żewġ postijiet, Casa Apap Bologna, Mosta u Casa Nuovo, Raħal Ġdid. Erbgħa u għoxrin sodda se jkunu fuq bażi ta’ respite fit-tul u 26 fuq bażi fil-qosor. Permezz ta’ dan il-kuntratt qed jiġġedded ftehim preċedenti bejn iż-żewġ naħat u juri żieda ta’ ħames sodod u b’hekk se jiżdied in-numru ta’ benefiċjarji. Il-ftehim il-ġdid jirrifletti żieda ta’ €648,000 fuq il-ftehim preċedenti.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li permezz ta’ dan il-ftehim qed ikunu estiżi s-servizzi ta’ respite biex tkompli tkun indirizzata d-domanda li hemm għalihom. “Il-benefiċjarji diretti se jkunu persuni b’diżabilità imma se jkunu qegħdin jibbenefikaw ukoll qrabathom peress li servizz bħal dan ikun meħtieġ minnhom ukoll għax għalihom ikun ifisser żmien ta’ mistrieħ. Servizzi bħal dawn huma pprovduti wkoll minn numru ta’ NGOs u l-ħtieġa għalihom qiegħda dejjem tikber. Bħala gvern se nkomplu nagħmlu dak kollu possibbli biex noffru tali servizzi għax finalment dawn ifissru titjib fil-kwalità tal-ħajja mhux biss tal-persuni direttament konċernati, persuni b’diżabilità, imma wkoll ta’ qrabathom,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Għalkemm ir-respite normalment ikun għal żmien speċifiku, is-servizz li jingħata xorta jkun ippjanat b’mod li jintlaħqu l-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità skont il-livelli differenti ta’ dipendenza. Il-ftehim ikopri erba’ livelli differenti ta’ dipendenza.

Il-ftehim jaħseb għal akkomodazzjoni, ikel skont id-dieta tal-individwu, faċilitajiet skont il-linji gwida tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, apparat speċjali u assistiv, aċċess għal servizzi terapewtiċi pubbliċi bħalma huma occupational therapy, physiotherapy, podjatrija, speech language pathology u superviżjoni minn professjonisti. Il-ftehim jaħseb ukoll biex ikunu pprovduti programmi ta’ taħriġ għal għajxien indipendenti u ħarġiet fil-komunità.

Aġenzija Sapport se tkun qed taħdem id f’id mal-operatur tas-servizz u mal-ħaddiema tagħhom sabiex isir riferiment u assessjar kif meħtieġ tal-persuni b’diżabilità kollha li jiġu bżonn dan is-servizz. Matul il-provvediment tas-servizz, Aġenzija Sapport tkun qed tagħmel monitoraġġ sabiex ikun aċċertat li l-persuni b’diżabilità jkunu qed jingħataw servizz ta’ kwalità skont standards stabbiliti u skont il-pjan imħejji li jilħaq il-bżonnijiet partikolari ta’ kull individwu.

ĦILA Homes hija marbuta li tipprovdi servizzi skont standards maħruġin mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li din il-kollaborazzjoni bejn l-aġenzija u s-settur privat tkompli ssaħħaħ il-provvediment ta’ servizzi għall-persuni b’diżabilità fejn minbarra li qed tiġi indirizzata d-domanda għal servizzi ta’ respite, qed inkomplu nsaħħu s-servizz wara li ġbarna rispons mingħand min jagħmel użu minn dawn is-servizzi kif ukoll mill-familjari tagħhom. Is-servizz ta’ respite hu importanti għall-familjari daqskemm hu importanti għall-persuna b’diżabilità nnifisha għax jagħti sostenn u joffri serħan lill-membri tal-familja li jistgħu jserrħu rashom li l-qraba tagħhom qegħdin jingħataw servizz professjonali, bi pjanijiet personalizzati f’ambjent aċċessibbli u bil-faċilitajiet kollha li għandhom bżonn.

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ ĦILA Homes Ltd, Janet Silvio, qalet li jħossuhom kburin li qed ikomplu jsaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom ma’ Aġenzija Sapport, wara snin ta’ provvediment ta’ servizzi lil persuni b’diżabilità u li qed jerġgħu jġeddu dan il-ftehim biex ikomplu jagħtu sapport u sostenn lil ħafna aktar familji.