PR220536: L-ewwel kamra Autism Friendly f’ristorant

Fl-ewwel ristorant b’akkreditazzjoni ta’ Autism Friendly, se jkun hemm kamra apposta biex tilqa’ tfal u persuni bl-awtiżmu u diffikultajiet sensorjali oħra.


Id-disinn tal-kamra huwa kollaborazzjoni ma’ Prisms Malta u l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tal-Awtiżmu (APA). Il-kamra fiha dekorazzjoni, dwal, livelli ta’ storbju u ambjent speċifikament maħsuba biex jgħinu lill-persuni b’diffikultajiet sensorjali jgawdu l-esperjenza tar-ristorant bl-akbar faċilità. Il-kamra hija mgħammra wkoll b’headphones li jikkanċellaw l-istorbju u ġugarelli sensorjali.


McDonald’s Malta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) nieda Quiet Space, inizjattiva li permezz tagħha r-ristorant issa għandu kamra Autism Friendly.


Għall-attività tat-tnedija attendiet il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, li esprimiet is-sodisfazzjon tagħha u ddefinixxiet din l-inizjattiva bħala eżemplari u ta’ mudell għal ristoranti oħrajn li wkoll jixtiequ jiddedikaw żoni speċifiċi għal persuni bl-awtiżmu. “Infaħħru lir-ristorant talli ħa rwol attiv fil-komunità tagħna, għaliex dan huwa wkoll konformi mal-isforzi kontinwi tal-gvern biex jiżgura li s-settur tad-diżabilità jibqa’ bbażat fuq il-valuri tal-inklussività u l-ugwaljanza,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.


Il-Ministru faħret ukoll lir-ristorant għall-parteċipazzjoni akbar fil-komunità, dan fl-isfond tal-Programm ta’ Volontarjat li tħabbar fl-aħħar ġimgħat, li se jara madwar 170 impjegat full-time jiddedikaw aktar minn 3,500 siegħa biex jagħmlu volontarjat għal Din l-Art Ħelwa, is-Soup Kitchen u Ronald McDonald House of Charities.


Id-Direttur Maniġerjali tal-Premier Restaurants Malta Ltd, operaturi ta’ McDonald’s f’Malta, Peter Hili qal li McDonald’s ħadem ma’ Prisms u l-APA biex ir-ristorant fl-MIA jkun esperjenza pożittiva għall-persuni bl-awtiżmu. Is-Sur Hili kompla jgħid li McDonald’s Malta se jkollu sigħat Autism Friendly kull nhar ta’ Tnejn u Ħamis bejn it-15:00 u l-16:30, li matulhom ir-ristorant kollu se jkollu dawl iktar baxx u livelli ta’ storbju aktar baxxi.


Minbarra li dan ir-ristorant sar aktar aċċessibbli, ipprovda wkoll lill-impjegati b’taħriġ speċifiku dwar l-awtiżmu. Wara dan it-taħriġ, dawn l-impjegati issa huma ċċertifikati bħala Ambaxxaturi tal-Awtiżmu. Huma se jkunu
lebsin badges apposta u se jkunu għad-dispożizzjoni tal-klijenti għall-assistenza u biex jipprovdu aktar informazzjoni.


Dan il-proġett kien possibbli bil-kollaborazzjoni ta’ Prisms Malta, Aġenzija Żgħażagħ, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tal-Awtiżmu.


F’Malta hawn total ta’ disa’ stabbilimenti li huma akkreditati bħala Autism Friendly. Dawn l-istabbilimenti huma l-Esplora, Gallarija Darmanin, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Malta National Aquarium, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, Festival ŻiguŻajg, l-Eden Cinemas, u MZ Hairdressing & Education.