PR220607: Nipproteġu lill-konsumatur u lill-ambjent mill-użu ta’ kimiċi perikolużi

“Huwa kruċjali li nipproteġu lin-nies u lill-ambjent mill-użu ta’ kimiċi perikolużi u li jistgħu jinstabu fi prodotti li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum,” kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għall-Inklużjoni, l-Għaqdiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, waqt intervent f’Pariġi, fi Franza, waqt konferenza ministerjali li attendew għaliha ministri mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Is-suġġett li trattat il-konferenza ministerjali huwa l-użu tal-kimiċi u kif bħala stati membri nistgħu nipproteġu aħjar is-saħħa tal-konsumatur u l-ambjent minn ċerti kimiċi li jinsabu fi prodotti li nużaw ta’ kuljum. Bħalissa qed issir analiżi ta’ prodotti differenti, fosthom ġugarelli, prodotti kożmetiċi, ħwejjeġ u prodotti li jintużaw fil-kċina biex wieħed isajjar fihom.
Il-ministru enfasizzat li minbarra li nistabbilixxu l-kriterji li permezz tagħhom nidentifikaw liema huma l-prodotti li wieħed għandu jqis bħala essenzjali għal dan l-eżerċizzju, huwa wkoll daqstant importanti li nedukaw u ninfurmaw lill-konsumatur.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dan kollu għandu jsir fl-istess waqt li ninċentivaw lill-industrija tkompli tinvesti fl-innovazzjoni. “Għandna nfittxu li ngħinu lill-industrija billi nħalluha tkun aktar proattiva f’dan ir-rigward. Mod wieħed kif isir dan huwa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni ma tirrestrinġix jew toħnoq l-innovazzjoni bla bżonn.”
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-enfasi m’għandhiex tkun biss fuq il-ħsara li ċerti kimiċi jistgħu jagħmlu, iżda għandha tingħata wkoll importanza lil prodotti essenzjali li l-konsumatur juża ta’ kuljum. Il-ministru kompliet tgħid li Malta hija miftuħa li tesplora l-possibbiltà li jiġu applikati ċerti prinċipji li bħalissa qed jintużaw taħt leġiżlazzjoni differenti.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli temmet tgħid li huwa kruċjali għall-Unjoni Ewropea u għall-istati membri tagħha li kollettivament jidentifikaw soluzzjoni u jkun stabbilit bilanċ ġust bejn il-bidla meħtieġa ’l bogħod mill-użu ta’ kimiċi perikolużi filwaqt li jipprovdi biżżejjed flessibbiltà li tiffaċilita l-użu ta’ kimiċi partikolari marbuta ma’ prodotti essenzjali.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti Nancy Caruana.