PR220821: Iffirmat MoU bejn l-MCCAA u s-CRPD biex aktar prodotti jkunu aċċessibbli għal persuni b’diżabilità

Bħala parti mill-ħidma fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar l-Aċċessibilità, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim (MoU) sabiex il-Kummissjoni ssaħħaħ l-irwol tagħha ta’ sorveljanza tas-suq għal persuni b’diżabilità.
Filwaqt li l-MCCAA għandha kompetenzi marbuta mas-sorveljanza tas-suq ta’ prodotti mibjugħa f’Malta f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u s-sigurtà tal-persuni, permezz ta’ dan il-ftehim, is-CRPD ser tassisti f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċessibilità tal-prodotti li huma regolati mid-Direttiva Ewropea dwar l-Aċċessibilità. Fost il-prodotti u servizzi msemmija fid-Direttiva hemm kompjuters, e-books, u servizzi bankarji, fost oħrajn.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli spjegat li permezz ta’ dan il-ftehim, se jkun assigurat li persuni b’diżabilità ma jkunux ostakolati milli jgħixu ħajja indipendenti minħabba n-nuqqas ta’ aċċessibilità ta’ prodotti. “Huwa għalhekk li dan il-ftehim huwa wieħed importanti għaliex jiżgura li persuni b’diżabilità jibbenifikaw minn prodotti u servizzi bi prezzijiet aktar kompetittivi u aċċessibbli.” Il-ministru kkonkludiet tgħid li ftehimiet ta’ din x-xorta jixhdu l-messaġġ tal-gvern li rridu verament Malta aktar inklużiva.
Il-Kummissarju tas-CRPD Samantha Pace Gasan qalet li filwaqt li din id-direttiva se tkompli ssaħħaħ l-aċċessibilità għall-prodotti f’pajjiżna, is-CRPD se tkun qed tkompli ssaħħaħ l-irwol tagħha fejn tidħol is-sorveljanza u l-infurzar fejn tidħol l-aċċessibilità. Kompliet tgħid li, “b’hekk inkomplu naqdu dmirna fil-monitoraġġ, il-promozzjoni, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità skont kif stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda wkoll.”
Iċ-Chairperson tal-MCCAA l-Inġ. Helga Pizzuto qalet li matul is-snin, l-Awtorità investiet sabiex ittejjeb il-ħiliet tal-persuni li jaħdmu fid-Diviżjoni għar-Regolamenti Tekniċi, u ssaħħaħ is-sistemi użati minnhom. Permezz ta’ dan it-tisħiħ ġew żviluppati u qed ikomplu jittejbu diversi prattiċi, uħud minnhom sabiex jilqgħu anke għall-isfidi ġodda mis-suq globali u katini tal-provvista aktar kumplessi. Kompliet tgħid li permezz ta’ dan il-ftehim, ż-żewġ awtoritajiet ser jaħdmu flimkien sabiex ikun hemm użu aħjar tar-riżorsi, għall-benefiċċju taċ-ċittadini.