PR220855: Titlesta l-ewwel fażi tal-Għajnsielem Learning Hub f’Għawdex

B’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro, Aġenzija Sapport għaddejja bi proġett ta’ ristrutturar u tisbiħ f’Għajnsielem Learning Hub, f’Għawdex. Waqt żjara uffiċjali, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli segwiet il-progress ta’ dan il-proġett li wasal fi tmiem l-ewwel fażi tiegħu. Dan il-proġett, li hu mifrux fuq tliet snin, huwa maħsub sabiex ikompli jżid l-ispazju minn fejn Aġenzija Sapport u entitajiet oħrajn iwasslu servizzi f’ambjent modern u aċċessibbli. L-ewwel fażi tal-proġett kienet tinkludi tisbiħ u xogħol ta’ manutenzjoni taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum u l-uffiċini ta’ Aġenzija Sapport f’Għawdex, minn fejn l-aġenzija twassal servizzi u skemi lill-klijenti Għawdxin f’Għawdex stess. Iż-żewġ fażijiet li jmiss jinkludu tisbiħ ta’ sala u ristrutturar ta’ diversi uffiċini għall-użu ta’ entitajiet oħrajn, inkluż il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, il-MITA u l-Jobsplus. Apparti dan, se jsir ukoll xogħol fuq kmamar multi-sensorjali kif ukoll kmamar minn fejn jitwasslu sessjonijiet dwar għajxien indipendenti, xogħol fuq kmamar għal sessjonijiet edukattivi u xogħol fuq faċilitajiet oħra għall-persuni b’diżabilità li jattendu s-servizzi ta’ matul il-jum f’din il-binja. “Irridu naraw li persuni b’diżabilità f’Għawdex jingħataw l-aqwa servizz possibbli, fl-aħjar ambjent possibbli. Dan il-proġett huwa pass ieħor fid-direzzjoni li niddiversifikaw aktar servizzi f’Għawdex,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li kien preżenti għal din iż-żjara, saħaq li l-persuni b’diżabilità dejjem kienu għal qalb dan il-gvern u xhieda ta’ dan huma n-numru kbir ta’ inizjattivi li twettqu tul dawn l-aħħar snin. Il-Ministru Camilleri rrimarka li dan il-proġett hu ħolqa oħra importanti f’kullana ta’ proġetti li saru jew qed isiru f’dan is-settur. Hu qal li, permezz tal-investiment, aktar servizzi se jiġu offruti lill-persuni b’diżabilità f’Għawdex. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna enfasizza dwar il-bżonn u l-impenn tal-aġenzija li tinvesti f’Għawdex. Huwa sostna li, “Il-preżenza tas-servizzi tal-aġenzija għall-Għawdxin f’Għawdex stess hi importanti għax tagħmel is-servizzi tal-aġenzija aktar aċċessibbli. Dan hu proġett ħaj li dejjem jevolvi sabiex jakkomoda l-bżonnijiet tal-klijenti tal-aġenzija u tal-entitajiet l-oħra li jservu minn din il-binja. It-talba tal-klijenti tal-aġenzija hu li nkunu dejjem aktar qrib tagħhom u din hi l-wegħda tagħna, li noffru kemm jista’ jkun servizzi li jiġu offruti ġewwa Malta f’post modern f’Għawdex.”