PR220865: Fl-ewwel 100 jum ta’ gvern ġdid titwettaq wegħda elettorali oħra – L-iskema “Sensability” ssir aktar miftuħa

L-iskema Sensability se tkun qed titwessa’ u ssir aktar miftuħa u aċċessibbli u permezz ta’ dan se jgawdu minnha wkoll persuni b’ADHD, down sydrome u cerebral palsy.
Din l-iskema, amministrata mill-Awtorità tad-Djar, tgħin finanzjarmanet lil familji li għandhom xi membru b’diżabilità u bi sfidi sensorjali sabiex jinvestu f’apparat sensjorjali.
Emendi oħra li se jsiru f’din l-iskema jinkludu l-fatt li mhix se tibqa’ tagħmel limitu fuq l-assi li jrid ikollha familja, li preżentament kien ta’ madwar €150,000.
Se jitneħħa wkoll il-limitu tad-dħul ta’ €50,000 li familja ma setgħetx taqbeż sabiex tikkwalifika għal din l-iskema.
“Fhimna li l-iskema Sensability li introduċejna fl-2020, m’għandhiex tibqa’ limitata biss għal persuni li għandhom l-awtiżmu. Għal dan il-għan qed inwessgħu l-iskema eżistenti għal diżabilitajiet oħra ta’ żvilupp”, qal il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Roderick Galdes qal ukoll li se tkun qed titneħħa r-rekwiżita li benefiċjarju ta’ din l-iskema irid jirreġistra ipoteka fuq id-dar fejn hemm it-tagħmir sensorjali u b’hekk, familja li tkun xtrat dan it-tagħmir, issa se tkun tista’ ġġorru f’liema dar tmur.
Wara konsultazzjoni wiesa’ li saret ma’ diversi partijiet ikkonċernati, ġie deċiż ukoll li l-Awtorità tad-Djar se tgħin familji li ma jkunux jistgħu joħorġu depożitu biex dan it-tagħmir ikun jista’ jiġi ordnat billi tipprovdi depożitu ta’ €25,000 tal-valur tat-tagħmir sensorjali.
Dawn l-emendi kollha se jwasslu biex din l-iskema mhux biss tkun aktar aċċessibbli imma sabiex din l-għajnuna tasal għand faxxa akbar ta’ nies u jintlaħqu aktar bżonnijiet reali tas-soċjetà tagħna.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li t-twessigħ ta’ din l-iskema u t-twettiq ta’ wegħda elettorali oħra fl-ewwel mitt jum ta’ gvern ġdid hija prova ta’ kemm il-persuni b’diżabilità u qrabathom huma prijorità għall-gvern.