PR220929: Investiment ta’ €624,100 fi ftehim bejn l-Aġenzija Sapport u l-NGO Embrace

L-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur iffirmat
ftehim soċjali mal-għaqda volontarja Embrace Diversity b’investiment ta’ €624,100. Il-ftehim huwa għat-tliet
snin li ġejjin, b’seħħ mill-1 ta’ Lulju, 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2025.
Permezz ta’ dan il-ftehim, Embrace se tipprovdi żewġ programmi ta’ matul il-jum imwassal minn ħaddiema
mħarrġa u kompetenti fil-qasam. It-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità li se jibbenifikaw minn dawn il-programmi se
jingħataw taħriġ dwar il-komunikazzjoni u kif jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti.
Il-programm jista’ jilqa’ sa massimu ta’ 50 persuna b’diżabilità fil-ġimgħa mit-twelid sa 25 sena. Bl-għajnuna ta’
dan il-ftehim, faxxa akbar ta’ tfal u żgħażagħ b’diżabilità se jkollhom l-opportunità li jkunu inklużi fis-soċjetà.
Dan il-ftehim huwa t-18 il-wieħed tax-xorta tiegħu ma’ għaqdiet volontarji li ġew iffirmati f’perjodu ta’ 12-il
xahar, bejn Lulju 2021 u Lulju 2022. Komplessivament, permezz ta’ dawn il-ftehimiet, qed ikunu investiti
madwar €18-il miljun fuq perjodu ta’ tliet snin.
L-iffirmar tal-ftehim kien presedut mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur
Julia Farrugia Portelli. Il-Ministru ddeskriviet l-impenn tal-Gvern fejn jidħlu ftehimiet soċjali fis-settur taddiżabilità
bħala wieħed b’saħħtu msawwar mill-kunċett ta’ inklużjoni u li kull persuna għandha d-dritt li tgħix
ħajja dinjituża u indipendenti.
“Dawn ix-xorta ta’ ftehimiet jikkonfermaw ukoll il-fiduċja li l-Gvern għandu fl-għaqdiet volontarji. Qegħdin għal
darb’oħra nikkonfermaw kemm il-volontarjat huwa wieħed mill-pilastri soċjo-ekonomiċi ta’ pajjiżna u li permezz
tiegħu nistgħu nkomplu nibnu soċjetà aktar inklussiva,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport irrefera għall-ftehim bħala ħolqa oħra fil-katina ta’ servizzi
aċċessibbli għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità. Din il-kollaborazzjoni toffri spazju u servizz speċjalizzat għal dawn
il-klijenti li mhux milħuqin b’servizzi oħrajn. Dan ikompli jżid l-importanza ta’ din il-ħidma konġunta u l-
Aġenzija hija kommessa li taħdem id f’id mal-amministrazzjoni tal-għaqda Embrace sabiex jitwassal servizz ta’
kwalità u professjonali skont il-bżonnijiet u l-abilitajiet differenti ta’ dawn il-klijenti.
Claudette Curmi, il-fundattriċi tal-għaqda volontarja Embrace, li twaqqfet fl-2018 qalet kif illum, wara erba’ snin
ta’ xogħol iebes, “fl-aħħar naraw ħolma oħra li qed tintlaħaq. Permezz ta’ dan il-ftehim se nkunu kuntenti li
nerfgħu ftit mill-piż finanzjarju fuq il-familji tal-istudenti tagħna, li kienu leali lejn l-organizzazzjoni tagħna matul
is-snin.”
Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Permanenti Nancy Caruana.