PR221309: Imnedija l-11-il edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Voluntiera

Tnediet il-11-il edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Voluntiera organizzat mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju. L-għan ta’ dan il-premju huwa li jkun rikonoxxut voluntier individwali li jkun ikkontribwixxa f’xi qasam, bħalma huwa dak soċjali, umanitarju, saħħa, ambjentali, kulturali, edukazzjoni, u sport fost l-oħrajn.
Minn din is-sena, flimkien mal-Premju Nazzjonali tal-Voluntiera, se jkunu introdotti ħames premjijiet oħra. Il-premjijiet il-ġodda huma Youth Volunteer Award, Volunteer Organisation Award, Corporate Voluntary Support Award, Special Award for Voluntary Work in the Community u Victor Calvagna Award for Children in Volunteering.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li l-għan ta’ dan il-premju nazzjonali mhux mibni biss fuq ir-rikonoxximent għall-ħidma volontarja riflessa f’dedikazzjoni għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor jew ta’ xi kawża ġusta, imma huwa mibni wkoll fuq il-pedament tal-ispirazzjoni għal parteċipazzjoni u kontribut biex is-soċjetà Maltija ta’ għada tkun aħjar minn dik tal-lum.
“Pajjiż b’settur volontarju b’saħħtu u meqjus bħala sieħeb strateġiku tal-politika tagħna jisħaq fuq aspetti importanti tal-ħajja, fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, l-għajnuna soċjali, l-inklużjoni u l-ambjent fost oħrajn. Dan kollu jservi ta’ għajnuna biex nibnu pedamenti soċjoekonomiċi b’saħħithom ibbażati fuq l-empatija u r-rieda li ngħinu lill-proxxmu tagħna”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Hija żiedet tgħid li l-apprezzament m’għandux ikun biss lejn dawk li meritatament se jkunu rikonoxxuti f’Diċembru li ġej imma lejn kull volontier involut f’dak kollu li jwettqu l-1,800 għaqda volontarja reġistrata.
L-attività kienet indirizzata wkoll minn Dr Noel Camilleri, Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju. Huwa saħaq li għall-premju nazzjonali se jingħata rikonoxximent mistħoqq mhux biss lil dawk il-voluntiera li jiġu nominati imma lil dawk l-eluf li jagħtu ħinhom favur il-komunitajiet fejn jaħdmu. Fost dawk preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Nancy Caruana u l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.
L-applikazzjonijiet għan-nomini għal dawn il-premjijiet huma miftuħin u jagħlqu fil-5 ta’ Novembru 2022. Il-formola tinkiseb online fuq https://vofunding.org.mt/funds/121.