PR221379: Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tindirizza konferenza internazzjonali fuq is-settur tad-diżabilità

Matul il-jumejn li ġejjin, f’Malta, permezz tal-Aġenzija Sapport u l-European Association of Service Providers for Persons with Disabilities (EASPD), qed tiġi ospitata konferenza internazzjonali bl-isem ‘Quality of Life & Support Services: From Words to Action’.

 

L-għan prinċipali tal-konferenza huwa li tispira aktar servizzi ta’ sapport li jiffukaw fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-persuni li dawn is-servizzi jappoġġaw. Il-konferenza toffri wkoll opportunità unika għal 60 kelliem internazzjonali u nazzjonali, inklużi stakeholders mid-dinja akkademika, fornituri tas-servizzi, dawk li jfasslu l-politika, regolaturi, klijenti tas-servizz u professjonisti li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità. Dawn jinkludu trainer mill-UNICEF u esperti rinomati mill-Finlandja, Spanja, il-Moldova, l-Iskozja, Ċipru, l-Olanda, il-Belġju, Franza, il-Bulgarija, ir-Renju Unit u l-Ungerija.

 

L-EASPD tirrappreżenta l-interessi ta’ aktar minn 20,000 servizzi ta’ kura soċjali u appoġġ għal persuni b’diżabilità madwar 41 pajjiż, filwaqt li Aġenzija Sapport tipprovdi servizzi regolari professjonali u innovattivi biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni Maltin b’diżabilità u tal-familji tagħhom.

 

Fil-ftuħ tal-konferenza, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħeġġet lil dawk preżenti biex ma nibqgħux imwaħħlin mal-kelma “tama”. “Irridu nittrasformaw b’mod konkret l-azzjonijiet tagħna b’mod li ma ninkoraġġixxux biss lill-persuni b’diżabilità, iżda lil dawk li jfasslu l-politika għall-istess persuni, b’hekk isseħħ il-bidla.” Żiedet tgħid li matul l-aħħar snin, pajjiżna ħabbar investimenti bla preċedent fis-settur tad-diżabilità. Enfasizzat li dawn is-suċċessi mhumiex it-tmiem, iżda għandhom iqawwuna biex inkomplu naħdmu għal soċjetà aktar inklussiva.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna qal li t-titlu tal-konferenza jirrifletti l-moviment li rridu nagħmlu mill-kliem għall-fatti. Huwa spjega li matul dawn il-jumejn se naraw x’riżorsi u x’proċessi oħra jistgħu tabilħaqq itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità. Ikkonkluda li rridu nimxu ’l bogħod mill-kunċett tal-kura. “Aħna qegħdin hawn biex nappoġġaw lill-persuna b’diżabilità biex tikseb il-potenzjal tagħha, nagħtu s-setgħa lill-persuna u niżguraw aċċess għal servizzi bħal dawn”.

Link għall-filmat: https://we.tl/t-GH9Ewno5nq