PR221505: MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Iffaċilitar lis-settur tal-volontarjat bit-trasparenza u governanza

Għaqdiet volontarji żgħar u medji se jkunu jistgħu jibdew jagħmlu użu minn pjattaforma online li permezz tagħha jistgħu jorganizzaw ġbir ta’ fondi. Din il-pjattaforma bl-isem ta’ “Simply Giving”, se tkun qed tiffaċilita l-proċess ta’ ġbir ta’ fondi, u tassigura li dan isir b’mod trasparenti. Dan ħabbritu l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli f’konferenza tal-aħbarijiet. Ġie spjegat li għaqdiet volontarji, li preżentament hemm 1,775 minnhom reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarju (OCVO), jistgħu jorganizzaw kampanji ta’ ġbir ta’ fondi ġeneriċi kif ukoll kampaniji ta’ ġbir ta’ fondi għal-proġetti speċifiċi.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li bit-tnedija ta’ din il-pjattaforma, is-settur volontarju se jkun qiegħed jiġġedded u jagħmel il-qabża awtomatika u diġitali li jmiss. Kompliet tgħid li din l-inizjattiva nibtet ukoll mill-konsultazzjoni wiesgħa li l-OCVO kif ukoll il-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS) għamlu fl-aħħar xhur ma’ bosta għaqdiet volontarji. Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li t-tnedija tal-lum tikkonferma żewġ affarijiet importanti: tikkonferma kemm il-gvern jivvalorizza lis-settur volontarju u r-rieda li nibnu lil dan is-settur fuq is-sostenibbiltà.”
Hi kkonkludiet billi qalet li tħares ‘il quddiem biex fix-xhur li ġejjin tibda timmaterjalizza l-miżura li tħabbret fil-Budget 2023, dik tal-one-stop-shop għall-għaqdiet volontarji Malti u Għawdxin.
Id-Deputat Chairperson tal-MCVS Robert Farrugia sostna li din il-pjattaforma qed tkompli tgħin lill-għaqdiet volontarji imma wkoll lill-pubbliku ingenerali għaliex il-flus li jinġabru online imorru dirett għand l-għaqda volontarja u allura hemm messaġġ b’saħħtu ta’ governanza tajba u trasparenza.
Families for Christ Community, Multiple Sclerosis Society u Din l-Art Ħelwa huma t-tliet għaqdiet volontarji li bħalissa għandhom proġetti attivi fuq din il-pjattaforma. Il-pubbliku jista’ jagħmel id-donazzjonijiet tiegħu permezz tal-link https://simplygiving.mt/.