PR221738: Aktar ħidma favur persuni b’diżabilità

Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u Aġenzija Sapport biex ikun hemm aktar ħidma favur l-indipendenza ta’ persuni b’diżabilità. Permezz ta’ dan il-ftehim se jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tad-Djar u Aġenzija Sapport u li minnu se jgawdu l-persuni b’diżabilità.

 

L-Awtorità tad-Djar se tkun qed tgħin persuni b’diżabilità li jkunu qed ifittxu akkomodazzjoni imma ma jistgħux jixtru jew jikru sabiex jgħixu b’mod indipendenti. Aġenzija Sapport se tkun qed tagħżel inkwilini prospettivi wara li jsir l-assessjar neċessarju u jiġi assigurat li l-inkwilini prospettivi jistgħu jgħixu għal rashom b’mod indipendenti jew semiindipendenti. Il-kirja tal-akkomodazzjoni f’dawn il-każijiet se tiġi determinata skont il-każ tal-persuna b’diżabilità.

 

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes qal li dan il-ftehim se jkun qed jassigura li jkun hemm aktar ħidma bejn entitajiet governattivi, f’dan il-każ bejn l-Awtorità tad-Djar u Aġenzija Sapport. L-għan komuni tal-ftehim huwa li jkun hemm aktar għajnuna lill-persuni b’diżabilità sabiex inkomplu nsaħħu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u ngħinuhom igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar.

 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet li dan il-ftehim se jkun ta’ għajnuna biex inkomplu nsaħħu l-inklussività u l-indipendenza ta’ persuni b’diżabilità f’pajjiżna. Żiedet li permezz ta’ dan il-ftehim, bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Aġenzija Sapport se nkunu qed nibdew inwettqu fil-prattika l-istrateġija ta’ deistituzzjonalizzazzjoni ta’ persuni b’diżabilità. Dan ifisser li persuni b’diżabilità li jgħixu fi djar residenzjali tal-Aġenzija Sapport u li jistgħu jgħixu b’mod indipendenti jkunu jistgħu jagħmlu dan. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-iffirmar huwa konformi ma’ Artiklu 19 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

 

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa u mill-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna, u presedut mill-Ministru Roderick Galdes u mill-Ministru Julia Farrugia Portelli. Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Nancy Caruana.

Ritratti (DOI/MSAA-MIVC)

 Filmat: https://we.tl/t-vO8C93lYZr