PR230107: Iffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u l-MFOPD
Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Fondazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet għall-Persuni b’Diżabilità (MFOPD) bil-għan li jiġu ffinanzjati l-ispejjeż amministrattivi sa massimu ta’ €50,000 fis-sena għall-perjodu ta’ tliet snin. Dan ifisser investiment totali ta’ €150,000 fuq l-imsemmi perjodu.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli enfasizzat li dan il-ftehim jikkonferma l-fiduċja tal-gvern fl-għaqdiet volontarji u li d-deċiżjonijiet li qegħdin jittieħdu biex tkun imsaħħa l-indipendenza tal-persuni b’diżabilità qed isiru bl-istess persuni fiċ-ċentru tad-diskussjoni. Il-ministru qalet li dan l-iffirmar huwa ħolqa minn katina ta’ investimenti li l-gvern qed iwettaq u se jkompli jwettaq fis-settur tad-diżabilità.
Il-President tal-MFOPD Marthese Mugliette qalet li, “Għall-ewwel darba, dan il-ftehim ser ikun għal perjodu ta’ tliet snin. Dan ifisser ħafna għalina għaliex minbarra li dan juri l-fiduċja reċiproka li hemm bejn il-partijiet ikkonċernati, l-MFOPD ser tkun f’pożizzjoni aħjar biex issaħħaħ l-ħidma tagħha fis-settur. Il-ħidma tal-MFOPD tiffoka fuq dak kollu li jiġri f’pajjiżna fis-settur tad-diżabilità u anke fuq livell Ewropew.”
Il-fondazzjoni hija magħmula minn 38 organizzazzjoni volontarja attiva li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità, u minn persuni u korporazzjonijiet marbuta mal-qasam tad-diżabilità f’Malta.
L-iffirmar sar mis-Segretarju Permanenti Nancy Caruana u mill-President tal-MFOPD Marthese Mugliette fil-preżenza tal-Ministru Julia Farrugia Portelli.
Link għall-filmat: https://we.tl/t-XOSFms6Zlk