PR230197 : 22 tifel se jagħmlu użu minn kamra multi-sensorjali ġdida fl-iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli flimkien mal-Ministru Clifton Grima ħabbru li 22 tifel se jkunu qegħdin jagħmlu użu minn kamra multi-sensorjali ġdida fl-iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof, fir-Rabat.

Dan ħabbruh waqt l-inawgurazzjoni tal-kamra multi-sensorjali għal tfal li jattendu l-istess skola u li qegħdin fuq l-ispettru tal-awtiżmu jew li għandhom il-kundizzjoni tal-ADHD.

B’fondi mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, il-kamra hija mgħammra, b’apparat fiżiku, projector, tapit tal-lasktu u tagħmir ieħor.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li huwa kruċjali li l-inklużjoni u l-aċċessibilità jkunu mifruxin f’postijiet differenti fis-soċjetà tagħna, speċjalment f’dawk il-postijiet fejn it-tfal iqattgħu l-aktar ħin, fosthom l-iskola. “Huwa ta’ sodisfazzjon li permezz tal-ħidma tal-Gvern u tal-fiduċja li wriet l-iskola, se nassiguraw li 22 tifel fuq l-ispettru tal-awtiżmu jew bil-kundizzjoni tal-ADHD jirċievu l-edukazzjoni tagħhom b’modi differenti,” tenniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar il-ħidma li qed issir fl-iskejjel biex ikunu mgħammra b’dak kollu meħtieġ għall-bżonnijiet tal-istudenti kollha. “Fl-iskejjel li qed nirrinovaw jew nibnu mill-ġdid qed nagħtu importanza li jkun hemm kmamar li jilħqu l-ħtiġijiet varji tal-istudenti kollha. Spazji sensorjali jgħinu wkoll biex itejbu l-involviment tal-individwi li jagħmlu użu minnhom,” qal il-Ministru Grima.

Is-Surmast tal-iskola Rev. Fr. Mark Ellul qal li, bħal kull skola oħra, il-ħtiġijiet tal-istudenti matul is-snin saru aktar varjati. Huwa spjega li għal xi studenti l-kurrikulu prinċipali jista’ jkun inaċċessibbli, u din il-kamra multi-sensorjali se tkun qed tagħmel differenza kbira għall-ħajja skolastika u t-tagħlim ta’ dawn l-istudenti. “Aħna grati ħafna li ġejna mogħtija dawn il-fondi biex ngħinu lil dawn l-istudenti jilħqu l-potenzjal tagħhom,” saħaq Fr. Ellul.