PR230235: “Malta se tkompli taġixxi ta’ pont bejn il-pajjiżi Ewropej u Għarab fil-qasam tad-drittijiet tad-diżabilità” – Il-Ministru Julia Farrugia Portelli

Wara t-twaqqif tan-‘Netwerk ta’ Riċerka Għarbija-UE dwar id-Diżabilità’, il-Kummissjoni Ekonomika u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Asja tal-Punent (ESCWA), f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, nediet il-konferenza dwar ‘It-Tranżizzjoni lejn Ħajja Indipendenti fi ħdan il-Komunità għal Persuni b’Diżabilità.’

F’indirizz li għamlet il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt il-konferenza li qed tittella’ f’Bejrut, il-Libanu, qalet li, “huwa tassew ta’ unur għal Malta li tara dan l-ewwel riżultat tanġibbli li joħroġ mid-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta tal-2019, maħruġa wara l-EU-Arab High-Level Meeting dwar id-Drittijiet tad-Diżabilità.”

Il-ministru semmiet li permezz tal-investiment ta’ €4.2 miljun f’assistenza personali lill-persuni b’diżabilità, Malta qed issaħħaħ l-impenn tagħha biex dawn il-persuni jgħixu ħajja aktar indipendenti. Hi enfasizzat li Malta se tkompli taġixxi bħala pont bejn il-pajjiżi Ewropej u Għarab, mhux biss fil-qasam tad-drittijiet tad-diżabilità, iżda wkoll fil-promozzjoni ta’ prattiċi tajbin fil-mixja lejn ħajja indipendenti fi ħdan il-komunità għal kulħadd.

Il-konferenza hija pass ieħor lejn it-twettiq tal-miri tan-netwerk bil-għan li jipprovdu qafas istituzzjonali biex jiżguraw li d-djalogu bejn il-pajjiżi Għarab u Ewropej dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità jibqgħu għaddejjin u jkunu sostenibbli.

Diversi esperjenzi ta’ pajjiżi biex jingħelbu l-isfidi għall-għajxien indipendenti ġew murija matul il-konferenza, inklużi dawk ta’ Malta, il-Marokk u l-Ġordan. Minbarra dawn l-esperjenzi, ġew diskussi wkoll sfidi reġjonali komuni u kif jistgħu jiġu indirizzati.

Waqt il-konferenza ġiet preżentata wkoll riċerka minn riċerkaturi miż-żewġ reġjuni li jesploraw diversi sfidi u opportunitajiet għat-transizzjoni lejn ħajja indipendenti, liema riċerka se tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-ESCWA. Dawn l-inizjattivi joħorġu mill-impenn tan-netwerk li jappoġġa u jsaħħaħ il-kapaċità tar-riċerkaturi, inklużi dawk b’diżabilità, biex jimlew il-lakuni fir-riċerka dwar id-diżabilità, u fl-aħħar mill-aħħar jgħinu fl-iżvilupp ta’ politiki bbażati fuq l-evidenza li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għal ħajja indipendenti.

 

Ritratti: MIVC

Link għall-filmat: https://we.tl/t-5HCIG3Ftbs