PR230251: L-MCVS tirċievi l-European Solidarity Corps Quality Label biex pajjiżna jospita voluntiera Ewropej
Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) għadu kif irċieva l-European Solidarity Corps Quality Label mill-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA) bħala entità li tista’ tospita voluntiera Ewropej. Il-European Solidarity Corps Quality Label tiċċertifika li organizzazzjoni li tieħu sehem fil-korp tkun kapaċi tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex iż-żgħażagħ jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ solidarjetà.
Bħala l-entità li tipprovdi sapport lis-settur tal-volontarjat f’Malta, l-MCVS dejjem stinkat biex tipprovdi opportunitajiet ġodda għall-għaqdiet volontarji. F’dan ir-rigward, fl-2022 l-MCVS ingħatat il-Quality Label biex taġixxi bħala organizzazzjoni li tibgħat u tappoġġa voluntiera Maltin f’missjonijiet Ewropej taħt il-finanzjament European Solidarity Corps. L-MCVS issa ngħatat il-Quality Label bħala lead u host li se tpoġġiha f’pożizzjoni li tkun tista’ tapplika għal fondi Ewropej ħalli tospita voluntiera mill-kontinent Ewropew f’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet volontarji Maltin.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li din l-aħbar tfisser ċertifikat internazzjonali b’saħħtu għall-ħidma u għall-investiment li qed jagħmel il-Gvern Malti fis-settur tal-volontarjat. Hija rringrazzjat lill-ħaddiema kollha fi ħdan l-MCVS għall-ħidma tagħhom favur settur volontarju aktar b’saħħtu u sostenibbli.
L-EUPA iddikjarat li bl-għoti ta’ din il-quality label, “L-MCVS se tkompli tokkupa rwol importanti fl-iżvilupp tas-soċjetà, u tkompli timpenja ruħha fi kwistjonijiet li jikkonċernaw iż-żgħażagħ u s-sostenn tal-iżvilupp tal-komunità”.
Is-Sur Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal li, “L-MCVS dejjem tistinka biex timpenja ruħha ħalli jiżdiedu inizjattivi u opportunitajiet għall-istess settur tal-volontarjat u l-voluntiera”.