PR230377: Malta ddepożitat l-Istrument tar-Ratifika tal-Konvenzjoni Hague biex tkun imsaħħa l-protezzjoni tal-adulti b’diżabilità fuq livell internazzjonali

F’Novembru li għadda, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ffirmat il-Konvenzjoni ta’ The Hague dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti f’isem Malta. Dakinhar, Malta saret is-17-il pajjiż fl-Unjoni Ewropea, u l-20 pajjiż fl-Ewropa, illi ffirma din il-Konvenzjoni.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, waqt il-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u l-Politika (CGAP) tal-Konferenza ta’ The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (HCCH), Malta ddepożitat l-Istrument tar-Ratifika fir-rigward ta’ din il-Konvenzjoni.

Dan id-dokument, illi ġie ppreżentat waqt ċerimonja apposta minn Mark Pace, l-Ambaxxatur ta’ Malta fl-Olanda, jikkonferma l-impenn ta’ Malta illi ddaħħal fis-seħħ din il-Konvenzjoni, wara perjodu tranżitorju. Malta issa hija t-12-il pajjiż fl-Unjoni Ewropea, u l-15-il pajjiż fl-Ewropa, illi rratifika din il-Konvenzjoni.

Din ir-ratifika kienet possibbli wara li l-Ministru Farrugia Portelli ppreżentat liġi, illi ġiet adottata unanimament mill-Parlament Malti, illi awtorizzat lill-Gvern Malti jgħaddi għal din ir-ratifika, kif ukoll għamlet numru ta’ regoli fir-rigward ta’ kif din il-Konvenzjoni ser titħaddem lokalment.

Permezz ta’ din il-Konvenzjoni, persuni adulti b’diżabilità, li jkunu f’sitwazzjoni ta’ vulnerabilità, jekk ikunu ċittadini ta’ pajjiż illi rratifika din il-Konvenzjoni, jistgħu jgawdu l-istess protezzjonijiet illi kieku jgawdu fil-pajjiż ta’ ċittadinanza tagħhom.

Kull pajjiż illi jirratifika l-Konvenzjoni jinnomina Awtorità Ċentrali, fil-każ ta’ Malta din ser tkun id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità, sabiex tiffaċilita l-ħidma relatata mal-Konvenzjoni.

Il-Ministru Farrugia Portelli rrimarkat illi, “Din ir-ratifika mhux biss tassigura proċess aktar sempliċi u dinjituż għal persuni b’diżabilità illi jeżerċitaw id-dritt tagħhom illi jmorru btala jew imorru jgħixu f’pajjiż ieħor. Dan il-pass iwettaq ukoll parti minn wegħda elettorali ta’ dan il-gvern, sabiex isiru riformi legali u strutturali, illi permezz tagħhom Malta ssaħħaħ l-awtonomija personali ta’ persuni b’diżabilità, u tiggarantilhom protezzjoni adegwata għal meta dawn jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabilità.”

Ritratti: MIVC