PR210626: Riċerka fost it-tfal tikkonferma li t-tfal iridu spazji inklużivi

F’laqgħa li saret bejn il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, kienet ippreżentata riċerka li tiġbor fiha l-konklużjonijiet li ħarġu minn proċess ta’ konsultazzjoni li sar ma’ 900 tifel u tifla f’pajjiżna. 

Ir-rapport kien ippreżentat ukoll f’verżjoni aċċessibbli, li nħadmet minn Martina Oliva, studenta ta’ 16-il sena li ħasbet kif tippreżenta r-riċerka b’viżwal u kitba li jfehmu b’mod attraenti imma sempliċi l-istatistika u l-konklużjonijiet kollha. Martina hija membru tal-Kunsill tat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi ħdan il-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà.

Ir-riċerka li saret mill-Fondazzjoni rat lit-tfal jitkellmu dwar li jixtiequ jaraw spazji rikreattivi, faċilitajiet sportivi u  spazji miftuħa. Huma daħlu fid-dettall ukoll dwar il-mod kif kieku huma jiddisinjaw żoni rikreattivi, x’jinkludu fihom, u anke x’tip ta’ faċilitajiet jinkludu u x’tip ta’ materjali favur l-ambjent jużaw biex isir il-proġett.

It-tfal anke tkellmu dwar kif iridu li l-proġetti jħaddnu l-inklużjoni biex il-faċilitajiet jaħsbu għal tfal li għandhom abilitajiet diversi, tfal li jużaw siġġu tar-roti, għal dawk li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu, kif ukoll dawn b’nuqqas ta’ vista.

Tfal ta’ etajiet diversi, semmew ukoll kif jixtiequ grounds tal-futbol, basketball courts, żoni għaċ-ċikliżmu, żoni għall-isparar bil-qaws u skateparks, bħala alternattiva għal li joqgħodu d-dar jilagħbu online.

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preco spjegat li din ir-riċerka tagħti stampa ċara ta’ dak li jixtiequ t-tfal Maltin, inkluż dak li jixtiequ b’rabta mal-aċċessibbiltà – u qed naraw kif it-tfal huma protagonisti u jiffukaw fuq l-erba’ artikli importanti tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda fuq id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) – fosthom artiklu 12, fejn it-tfal għandhom dritt li jesprimu lilhom infushom b’mod ħieles, u li l-veduti tagħhom jinstemgħu u jittieħdu bis-serjetà fl-affarijiet kollha li fihom ikunu involuti; kif ukoll artiklu 31 li jenfasizza li t-tfal u żgħażagħ għandhom id-dritt li jieħdu gost billi jieħdu sehem f’attivitajiet li jħobbu, u li għandu jkollhom ħin biex jilagħbu u jkunu kreattivi bil-passatempi tagħhom.

Il-Ministru Farrugia Portelli faħħret il-mod kif saret din ir-riċerka li ħares lejn il-kunċett ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar kif ukoll ta’ inklużjoni mil-lenti ta’ stakeholder importanti – dik tat-tfal. Hija qalet ukoll li huwa importanti li kull gvern, meta jfassal il-politika tiegħu, jara wkoll li din tkun imsejsa fuq riċerka li tiffoka fuq x’jaħsbu faxex differenti, inklużi t-tfal.