Kwalità ta’ Ħajja - Skema għal għotjiet żgħar għall-Organizzazzjonijiet Volontarji - 2022
- Għan
Il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat qed iniedi Skema ta’ għotjiet żgħar, bil-għan li jħeġġeġ organizzazzjonjiet volontarji jimplimentaw fil-prattika proġetti u inizjattivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna.
- Applikanti Eliġibbli
Din l-Iskema hija miftuħa għal:
- Organizzazzjonijiet Volontarji rreġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
- Proġetti u Inizjattivi Possibbli
It-titjib tal-kwalità ta l-ħajja permezz ta’ inizjattivi mmira tilejn xi waħda minn dawn il-kunċetti:
- itejjeb l-ambjent tal-madwar
- jorganizza attivitajiet soċjali fil-komunità
- il-promozzjoni ta’ eżerċizzju fiżiku fil-komunità
- il-promozzjoni ta’ attivitajiet li jimbottaw ‘il quddiem kwalità ta’ ħajja aħjar fil-komunità
- it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali
- iktar inklużjonita l-benefiċjarji f’inizjattivi fir-rigward tal-ħin liberu, il-kultura jew l-isport
- l-inkoraġġiment ta’ aktar involviment uinklużjoni ta’ benefiċjarji, b’mod partikolari persuni f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà, f’xogħol volontarju
- li jiġu pprovduti servizzi u appoġġ lil persuni li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà
- l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fil-komunità
- edukazzjoni u taħriġ imfassla apposta għall-istaff u għall-benefiċjarji esterni dwar l-oqsma koperti minn din l-iskema
- il-promozzjoni tal-użu tat-teknoloġija bħala mezz lejn l-inklużjoni
- l-iżvilupp b’mod attiv tal-ħiliet, u l-involviment u t-tisħiħ ta’ komunitajiet differenti
- integrazzjoni mill-ġdid tal-vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru
- sforzi ta’ promozzjoni, sensibilizzazzjoni u networking dwar l-oqsma koperti minn din l-iskema
- riċerka dwar l-oqsma koperti minn din l-iskema
- Finanzjament Disponibbli
L-ammont totali allokat taħt l-Iskema għall-2022 huwa ta’ ħamsin elf Ewro (€50,000.00).
Kull organizzazzjoni tista’ tiġi allokata l-ammont totali ta’ elf u ħames mitt Ewro (€1,500.00).
Kull Proposta sottomessa m’għandhiex teċċedi s-somma ta’ elf u ħames mitt Ewro (€1,500.00).
Kull Organizzazzjoni jista’ jissottometti biss Proposta waħda (1) lill-Iskema matul l-2022.
Mill-inqas tliet (3) kwotazzjonijiet minn fornituri ta’ oġġetti jew servizzi għandhom jiġu inklużi ma’ Proposta, fir-rigward ta’ kull spiża ddikjarata li taqbeż is-somma ta’ mitt Ewro (€100.00).
- Għażla u Ħlas ta’ Għotjiet
L-applikazzjonijiet sottomessi għandhom jiġu evalwati permezz ta’ Bord ta’ Evalwazzjoni.
Il-Bord ta’ Evalwazzjoni għandu d-dritt li jitlob għal aktar dokumentazzjoni mingħand l-Applikant, wara s-sottomissjoni ta’ Proposta mill-Applikant. Jekk din ma tiġix sottomessa sal-iskadenza mogħtija mill-Bord, l-Applikazzjoni tiġi awtomatikament miċħuda.
Jekk il-Bord ta’ Evalwazzjoni jaċċetta Proposta, din tiġi allokata ħamsa u għoxrin fil-mija (25%) tal-Ispejjeż Totali approvati għall-Proposta, qabel il-bidu tagħha.
Il-ħamsa u sebgħin fil-mija (75%) li jifdal tal-Ispejjeż Totali approvati, għandhom jingħataw ladarba l-Proposta tkun tlestiet, jekk:
- irċevuti fiskali oriġinali li jkopru l-ammont totali approvat ikunu ppreżentati mill-Applikant;
- il-Bord ta’ Evalwazzjoni jkun sodisfatt li l-Proposta tkun twettqet skont l-Applikazzjoni oriġinali kif approvata;
- Il-Proposta titlesta mill-organizzazzjoni sal-wieħed u tletin (31) ta’ Diċembru tal-elfejn u tnejn u għoxrin (2022).
Jekk il-kriterji ta’ hawn fuq ma jiġux issodisfati mill-organizzazzjoni, dawn jitilfu l-finanzjament, u dan ikun jinkludi l-obbligu li l-pagament inizjali ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija (25%) jiġi rritornat fi żmien ħmistax (15)-il ġurnata.
Dan il-ħlas lura għandu jsir ukoll f’tali perjodu ta’ żmien, jekk l-Organizzazzjoni tinforma lill-Bord ta’ Evalwazzjoni bil-miktub, fi kwalunkwe punt, li ma tkunx għadha għaddejja bl-eżekuzzjoni tal-Proposta.
Il-proposti jistgħu jkunu fażi iżgħar ta’ proġett jew inizjattiva akbar, madankollu, il-fażi koperta mill-Applikazzjoni kif aċċettata trid titlesta sal-wieħed u tletin (31) ta’ Diċembru tal-elfejn u tnejn u għoxrin (2022).
Il-ħamsa u għoxrin fil-mija (25%) inizjali tal-ammont approvat għandhom jiġu ttrasferiti lill-organizzazzjoni li jintgħażel mal-firma ta’ Ftehim dwar l-Għotja bejn il- Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Voluntarjat, u l-organizzazzjoni. Il-ħamsa u sebgħin fil-mija (75%) li jifdal għandhom jiġu ttrasferiti wara li l-Bord ta’ Evalwazzjoni jiddeċiedi li l-kriterji fil-punt 4 ta’ hawn fuq huma sodisfatti.
- Branding
Waqt li jkun qiegħed ilesti l-Proposta tiegħu kif approvata, l-organizzazzjoni magħżula għandha tagħmel użu mill-materjali kollha ta’ branding ipprovduti mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Voluntarjat sabiex tirrikonoxxi l-fondi mogħtija mill-iskema KWALITÀ TAL-ĦAJJA – SKEMA GĦAL GĦOTJIET ŻGĦAR GĦALL-ORGANIZZAZZJONIJIET VOLONTARJI – 2022
Il-branding kollu jrid jibqa’ fuq materjali użati matul it-tlestija tal-Proposta, kemm Virtwali (eż. Websajt/ Midja Soċjali) kif ukoll Fiżiċi (eż. Kotba/ Bini / Tagħmir), anke wara t-tlestija tal-Proposta msemmija.
- Formola tal-Applikazzjoni, Sottomissjoni u Mistoqsijiet
Il-formola tal-applikazzjoni hija disponibbli f’formati aċċessibbli, kemm bil-Malti https://forms.office.com/r/Km7FNZS1Hv kif ukoll bl-Ingliż https://forms.office.com/r/L2n9qvtrxp fuq: www.inklużjoni.gov.mt
Formoli tal-applikazzjoni stampati huma disponibbli wkoll mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Voluntarjat, 89, Triq Sir Ugo Mifsud, Ħal Lija LJA 1056.
Applikazzjonijiet li ma jsegwux dawn il-Linji Gwida, jew li ma jkollhomx informazzjoni mitluba fuq il-Formola tal-Applikazzjoni, jiġu miċħuda.
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi online, bil-posta jew personalment, u jridu jaslu sas-7 ta’ Marzu 2022. Applikazzjonijiet li jaslu tard jiġu awtomatikament miċħuda.
Kull mistoqsija dwar din l-Iskema għandha tiġi indirizzata bl-emajl qualityoflifescheme@gov.mt