PR210770: Tnedija ta’ pjan ta’ emerġenza mill-Aġenzija Sapport

Is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u tal-klijenti fiċ-ċentri kollha tal-Aġenzija Sapport hija ta’ prijorità. B’investiment ta’ €60,000, tħabbar il-bidu għal pjan ta’ emerġenza li jinkludi fih pjani aġġornati ta’ saħħa u sigurtà fil-binjiet tal-Aġenzija, inkluż f’disa’ ċentri ta’ matul il-jum li tmexxi din l-Aġenzija.

Aġenzija Sapport tinsab għaddejja bi proġett ta’ titjib fil-faċilitajiet ta’ tmien ċentri ta’ matul il-jum f’Malta (tnejn li jinsabu l-Imtarfa, Fleur de Lys, is-Swatar, il-Birgu, Raħal Ġdid, l-Isla, Ħal Far) u ieħor f’Għawdex (Għajnsielem) permezz ta’ installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ fire alarms u taħriġ għall-impjegati. 270 impjegat għandhom ċertifikat validu tal-First Aid, u numru sostanzjali ta’ ħaddiema rċivew taħriġ u ċertifikazzjoni f’oqsma oħra ta’ sigurtà, fosthom it-tifi tan-nar u l-Health and Safety, filwaqt li 15-il impjegat huma rikonoxxuti bħala Rappreżentanti tas-Saħħa u s-Sigurtà.

Waqt żjara fiċ-ċentru ta’ matul il-jum tal-Imtarfa mill-Ministru Julia Farrugia Portelli, ġie spjegat kif Aġenzija Sapport tassigura li persuni b’diżabilità li jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum ikunu jistgħu jibbenefikaw minn faċilitajiet moderni u, fuq kollox, ambjent sigur.

Dan il-proġett hu parti minn pjan ikbar li jara wkoll eżerċizzju ta’ evalwazzjoni għaċ-ċentri u r-residenzi kollha tal-Aġenzija, installazzjoni ta’ sinjali li juru ħruġ ta’ emerġenza, tfassil ta’ proċeduri ġodda u reviżjoni tal-policy tal-Aġenzija dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u aktar investiment f’taħriġ lill-impjegati, dejjem b’konformità mal-linji gwida u l-leġislazzjoni abbinata mas-saħħa u s-sigurtà.

Matul din iż-żjara, il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li dan il-proġett hu parti minn katina ta’ inizjattivi li Aġenzija Sapport qed tmexxi sabiex tassigura dejjem aktar li kemm il-klijenti kif ukoll l-impjegati tagħha jkunu qegħdin f’binjiet li, minbarra li huma aċċessibbli, huma wkoll konformi mal-linji gwida fuq aspett ta’ saħħa u sigurtà. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet ukoll li s-sistema ta’ fire alarms hi parti minn programm ta’ emerġenza li qed jiġi ppjanat mill-Aġenzija, li se jkun qed jinkludi wkoll pjan ta’ evakwazzjoni u fire drills. Dan minbarra li l-Aġenzija diġà timplimenta diversi miżuri preventivi bħal assessjar tar-riskju, pjan ta’ azzjoni, u monitoraġġ sabiex ikun assigurat li l-impjegati u l-klijenti huma mħarsa u protetti. “Dawn l-inizjattivi jinkludu wkoll diversi programmi ta’ taħriġ għall-impjegati, bħal first aid, fire fighting u health and safety,” kompliet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras tenniet li din hi parti oħra mwettqa mill-proġett ta’ tisbiħ u modernizzar taċ-ċentri ta’ matul il-jum. Hija enfasizzat li l-Aġenzija timplimenta dejjem miżuri li huma fl-aħjar interess kemm tal-klijenti, l-impjegati, kif ukoll il-pubbliku li jżur id-diversi binjiet tal-Aġenzija f’Malta u Għawdex. Wara dan il-proġett ta’ fire alarms, ix-xogħol se jibqa’ għaddej fuq il-binjiet, fosthom għal titjib kemm fl-istruttura taċ-ċentri permezz ta’ spazji miftuħa, faċilitajiet li jippermettu persuni b’diżabilità jippratikaw ħiliet ta’ għajxien indipendenti, tibdil ta’ għamara u anke faċilitajiet multisensorjali, kif ukoll xogħol ieħor abbinat ma’ riżorsi u apparat assistiv ġdid u teknoloġiku għall-użu mill-persuni li jattendu dawn iċ-ċentri ta’ matul il-jum.

Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi ta’ Aġenzija Sapport, wieħed hu mitlub iċempel fuq il-Helpline tal-Aġenzija Freephone 153 (u jagħfas in-numru 5), iżur is-sit elettroniku www.sapport.gov.mt) jew iċempel fuq 22568000 (Malta) jew 2156 9909 (Għawdex). Wieħed jista’ wkoll isegwi l-midja soċjali tal-Aġenzija.​